Lokali

Raġel arrestat b’rabta ma’ każ ta’ qtil ta’ qtates

Wara jiem ta’ sorveljanza b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar qtates li nstabu maqtulin fl-aħħar ġimgħat f’xi lokalitajiet, matul il-lejl li għadda, il-Pulizija arrestat is-suspettat ewlieni, Ġappuniż ta’ 31 sena.

L-investigazzjonijiet kienu kkonċentrati madwar Tas-Sliema, hekk kif il-Pulizija kellha indikazzjoni li l-persuna allegatament involuta, kienet tinsab f’dawk l-akwati.

Bid-deskrizzjoni tal-persuna f’idejhom, għal xi t-tlieta ta’ dalgħodu, il-Pulizija osservat lil din il-persuna miexja fi Triq Manuel Dimech, Tas-Sliema. Ir-raġel twaqqaf minnufih u minn tfittxija li saret fuqu, instab li kellu par ingwanti tal-latex, simili għal dawk li allegatemnt intużaw fil-qtil tal-qtates, kif ukoll xi pakketti tal-ikel tal-qtates.

Wara li ġie arrestat, saret tfittxija fir-residenza fejn jgħix, fejn ġew elevati l-ħwejjeġ kollha li ssuspettat kien deher liebes u li nqabad fil-filmati ta’ numru ta’ kameras tas-sigurtà.

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana, fejn l-investigazzjonijiet se jkomplu
fis-sigħat li ġejjin.