Lokali

“Se nagħżel li ngħix, u t-triq tad-dawl… għax Noah kien dawl”

“Forsi ftit jafu, imma fil-birthday ta’ missieri tliet ġimgħat ilu tlift lil missieri stess. Fil-birthday tiegħi tlift lil ibni Noah. Iżda xorta qed nagħżel li ngħix.”

Kien dan il-messaġġ kommoventi li wassal fuq il-midja soċjali Simon Mizzi – missier iċ-ċkejken Noah, li miet fl-inċident li seħħ f’pool f’Għawdex ftit tal-jiem ilu. Bl-aħħar tislima lit-tifel ingħatat ilbieraħ fis-Santwarju Ta’ Pinu.

Fuq Facebook, missier it-tifel qal li hu qed jagħżel li jgħix it-triq tad-dawl, mhux tad-dlam. “Minkejja li bħalissa, l-eħfef triq hija dik tad-dlam. Imma Noah kien dawl.”

Simon Mizzi irringrazzja lit-tobba, nurses u carers tal-NPICU f’Mater Dei li jagħżlu li jagħmlu xogħol fejn ikunu eroj ta’ kuljum bla ma jafu. Dan filwaqt li irringrazzja lill-istaff tal-Isptar ta’ Għawdex u numru kbir ta’ persuni li fl-aħħar jiem appoġjaw lill-familja.

Fir-riflessjonijiet tiegħu, Simon Mizzi kiteb li mix-xewk joħroġ il-ward.

“Nagħżel li nsib il-kuraġġ inkompli ngħożż familti u nrabbi tlett itfal oħra, u li rrid inkun hemm għalihom ukoll. J’Alla nsibu normal ġdid. Fl-aħħar mill-aħħar, nagħżel din it-triq għal Noah ukoll. Is-sabiħ tagħna. Maħbub għal dejjem.”