Mark Schembri ta’ Siġġiewi Rowing Club kiseb it-tieni rebħa konsekuttiva fir-Regatta prestiġjuża Ocean to City – An Rás Mór f’Cork, l-Irlanda. Schembri ikkompeta fil-kategorija impenjattiva C1x, jigifieri qadfa b’qaddief wieħed f’dgħajsa tat-tip Olimpika fid-dixxiplina tal-Coastal Rowing fejn ddefenda b’suċċess it-titlu li kiseb għall-ewwel darba fl-2024.
Ir-Regatta Ocean to City – An Rás Mór, hija waħda mill-avvenimenti ewlenin tal-qdif fl-Irlanda u tiġbed l-aqwa kompetituri minn madwar id-dinja lejn ir-rotta bejn Crosshaven sa Cork City.
Mark Schembri kkummenta li dan is-suċċess huwa wieħed speċjali fejn filwaqt li r-rebħa ta’ sena ilu kienet ħolma li saret realtà li, kien lura u ddefenda t-titlu, juri li nistgħu nikkompetu fix-xena internazzjonali.
Il-President ta’ Siġġiewi Rowing Club, Joseph N Grima, għamel enfasi li r-rebħa ta’ Mark hija importanti mhux biss għas-Siggiewi Rowing Club, iżda għall-komunità kollha tal-qdif Olimpiku Malti. Is-suċċess tiegħu juri l-qawwa tad-dedikazzjoni u l-valur tal-investiment fl-atleti .
Huwa qal ukoll li din ir-rebħa tenfasizza l-preżenza dejjem tikber ta’ Malta fil-qdif internazzjonali u għandha sservi bħala ispirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet ta’ qaddiefa futuri biex dejjem jimmiraw ’il fuq. Rebħa li tenfasizza l-isforzi li qed jagħmel s-Siggiewi Rowing Club biex jippreserva l-wirt tradizzjonali tat-qdif ta’ Malta filwaqt li jrawwem atleti kompetittivi għal regatti lokali u internazzjonali.
//= $special ?>