Local Lokali Qorti

Tirtira rapport kontra binha fuq theddid u li f’każ preċedenti kisrilha mneħirha

Omm li kienet għamlet rapport ta’ vjolenza domestika kontra binha rtirat l-ilment tagħha, minkejja li sentejn ilu kienet sfat aggredita minnu wkoll fejn saħansitra kien wasal sal-punt li kisrilha mneħirha. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Marse-anne Farrugia, fejn raġel ta’ 43 sena minn Ħ’Attard tressaq akkużat li weġġa’ b’mod gravi lil ommu, heddidha u kkawżalha biża’ ta’ vjolenza. Huwa kien ukoll akkużat li sar reċediv.

L-Ispettur Omar Zammit qal li l-mara kienet għamlet rapport mat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika wara li binha heddidha bosta drabi u bagħtilha numru ta’ messaġġi biex ma titilqux waħdu. L-Ispettur irrefera għal inċident partikolari li seħħ f’Mejju ta’ sentejn ilu, meta argument bejniethom eskala u r-raġel allegatament kisrilha mneħirha.

Dan ġie kkonfermat minn ċertifikat mediku, iżda dak iż-żmien, il-mara għażlet li ma tirrapporta xejn. Madanakollu, l-avukat tal-parte ċivili, Yanica Barbara Sant, infurmat lill-Qorti li l-mara issa xtaqet tirtira l-r-rapport tagħha, u qalet li kienet irreaġixxiet emozzjonalment meta marret għand il-Pulizija.

Rigward l-inċident tal-imnieħer, sostniet li seħħ b’inċident meta binha kien dahru lejha u laqatha b’minkbu bla ma ried. Hi kompliet tgħid li minkejja li l-akkużat kellu problemi tad-droga fil-passat, bħalissa hu nadif, jgħix ħajja normali u għandu xogħol stabbli.

Il-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Manuel Grech u mill-Ispettur Omar Zammit, ma oġġezzjonatx li l-ilment jiġi rtirat, iżda nnotat li l-każ ta’ Mejju kien intenzjonat u mhux inċidentali, kif sostnut mill-omm.

Wara, l-omm stess telgħet fuq il-pedana tax-xhieda u kkonfermat personalment li riedet li l-proċeduri kontra binha jieqfu. Il-Qorti wissietha li ladarba l-każ jiġi magħluq ma jkunx jista’ jerġa’ jinfetaħ, anke jekk iseħħ inċident ieħor fil-futur.

Minkejja dan, l-omm baqgħet soda fil-pożizzjoni tagħha u reġgħet ikkonfermat li kienet trid tirtira l-każ. Id-difiża kienet immexxija mill-Avukat David Gatt.