L-għadd tal-mejtin mill-bumbardament qawwi tar-Russja fuq il-kapitali tal-Ukrajna din il-ġimgħa tela’ għal 31 persuna, u jfisser li dan hu l-iktar attakk qattiel fuq Kyiv minn mindu bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russi fuq skala sħiħa.
Dan intqal mill-uffiċjali Ukreni nhar il-Ġimgħa, fejn sostnew ukoll li l-maġġoranza assoluta nqatlu f’daqqa fi blokka ta’ appartamenti.
Il-Ħidma ta’ Emerġenza tal-Istat qalet li s’issa nstabu mill-inqas 28 katavru mill-blokka mġarrfa, fosthom ħamest itfal. Mill-inqas 159 persuna oħra ndarbu fl-isplużjoni.
Aktar minn 100 ħaddiem tas-salvataġġ ħadmu matul il-lejl biex ineħħu aktar minn 2,000 tunnellata ta’ terrapien fit-tfittxija għal persuni li setgħu salvaw dan l-attakk.
Skont il-Kap tal-Amministrazzjoni Militari ta’ Kyiv, il-bini kien wieħed minn għexieren ta’ siti fil-kapitali Ukrena li ntlaqtu minn missili u drones Russi fl-attakk ta’ billejl.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li dan l-attakk mill-ġdid, juri biċ-ċar l-aggressjoni tar-Russja, u kemm hemm bżonn pressjoni akbar fuq Moska u l-bżonn għal sanzjonijiet addizzjonali.
Zelensky żied jgħid li f’Lulju biss, ir-Russja użat aktar minn 5,100 glide bombs kontra l-Ukrajna, aktar minn 3,800 drones, u kważi 260 missila ta’ tipi differenti.
Ir-Russja attakkat ukoll ir-reġjuni ta’ Donetsk u Kharkiv bejn il-lejl ta’ l-Erbgħa u l-Ħamis. Attakk fuq blokka ta’ ħames sulari fil-belt ta’ Kramatorsk fir-reġjun ta’ Donetsk, li qerded parti mill-bini, qatlet tliet persuni.
Dan kien segwit minn aktar attakki fuq l-Ukrajna matul il-lejl bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, li fihom inqatlu mill-inqas tliet ċivili u weġġgħu 27 oħra.
//= $special ?>