Lokali

87 vettura ġdida kuljum fit-toroq tagħna

Fit-tieni kwart tal-2025, il-vetturi bil-liċenzja żdiedu bi 3,339 fuq it-tliet xhur ta’ qabel. Dan filwaqt li kien hemm medja ta’ 87 vettura li ngħataw liċenzja ġdida kuljum fit-tieni kwart tas-sena.

450, 794.

Daqsekk kellna vetturi liċenzjati fuq it-toroq tagħna sat-tmiem ta’ Ġunju; u minn dan l-ammont 73.8% kienu karrozzi tal-passiġieri, 14.3% kienu vetturi kummerċjali jew agrikoli u 11.3% kienu muturi jew roti megħjunin b’enerġija elettrika, scooters li jaħdmu bl-elettriku, u muturi b’erba’ roti. Ix-xarabanks u l-minibuses jammontaw għal anqas minn wieħed fil-mija.

F’dan il-perjodu, 7,917-il vettura ngħataw liċenzja ġdida, u l-maġġoranza tagħhom, 59.8%, kienu karozzi tal-passiġieri. Warajhom ġew il-muturi/roti megħjunin b’enerġija eletttrika. Il-vetturi ġodda li ngħataw liċenzja ġdida laħqu l-4,654 waqt li l-vetturi second hand li ngħataw liċenzja ġdida kienu jgħoddu 3,272.

Tul it-tieni kwart tal-2025, kien hemm 9,366 vettura li tneħħew mit-triq minħabba xi restrizzjonijiet, bil-maġġoranza tagħhom – 39.4% – jkunu iggaraxxjati, 29.6% kienu mibjugħin mill-ġdid u 29% kienu skrappjati.

L-istess cifri juru li kien hemm medja ta’ 87 vettura li ngħataw liċenzja ġdida kuljum fit-tieni kwart tas-sena.

Skont l-istqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika sal-aħħar ta’ Ġunju 58.1% tal-istokk ta’ vetturi bil-liċenzja kienu jaħdmu b’magni tal-petrol. Il-vetturi li jaħdmu b’magni tad-diżil kienu jammontaw għal 155,846, dan filwaqt li vetturi oħra li jaħdmu b’magni tal-elettriku u plug-in hybrid kienu jammontaw għal 4.3% tal-istokk kollu u kienu jgħoddu 19,493.