“Il-fjuri xorta ntbagħtu, u ta’ dan nirringrazzjaw lil kull min bagħathom. Konna bla kliem waqt iċ-ċelebrazzjoni u wara. Imma ħaġa sabiħa li ngħidu li l-ġabra totali għal Voice for Inclusion kienet ta’ €10,684.46.”
Hekk kiteb fuq Facebook Simon Mizzi, missier Noah, wara l-funeral li sar il-Ħamis.
Missier iċ-ċkejken Noah stqarr illi l-familja taf biċ-ċert li din l-assoċjazzjoni se tiddisponi minn dawn il-flus għall-aħjar ta’ ħafna tfal Għawdxin u anki Maltin, li ma jsaqsu xejn ħlief li jkunu bħall-ħaddieħor minkejja d-diffikultajiet tagħhom. Din l-assoċjazzjoni tgħin lilna wkoll.
Simon Mizzi irrepeta l-messaġġ li lissen fl-aħħar jiem dwar il-fatt li Noah se jibqa’ ħaj għalihom u se jibqa’ maħbub għal dejjem.
“Noah, Noah. Fejn ħrabtilna? Kif għidt qabel, Noah tana ħafna u naħseb u nispera li jibqa’ jtina. Maħbub għal dejjem.”