Għar Gerduf mhuwiex biss għar iżda huwa l-unika katakombi ta’ żmien ir-Rumani li hemm fil-gżira Għawdxija. U skont informazzjoni li waslet għan Net News, fiz-zona biswit Għar Gerduf hemm art li sid din l-art qed jerġa’ jittanta sabiex jibni residenza. Residenza ta’ żewġ sulari, li 8 snin ilu kien diġà xeħet applikazzjoni simili iżda ġiet irrifjutata.
Kienu diversi it-tentattivi sabiex wieħed jibni f’din iz-zona, bl-ewwel darba kien propju lura fl-1996 fejn din is-sit inġustament ġiet iklassifikata bħala żona ta’ Klassi B minflok ta’ Klassi A.
Għar Gerduf mhuwiex kif kien oriġinarjament hekk kif iż-żona sofriet minn ħsara estensiva matul il-medda taż-żmien. Minħabba li kien sar xi tħaffir fiż-żona u dan kompla jħalli mpatt negattiv fuq l-għar. Intant, jirriżulta li dak li fadal illum il’ ġurnata huwa biss parti mis-sit oriġinali.
Storikament il-katakombi Kristjani f’Għar Gerduf huma mħaffrin fil-franka propju fuq l-għolja tal-punent tal-Wied pittoresk tal-Lunzjata. Għar Gerduf kiseb status uniku, tant hu hekk li kiseb l-ogħla livell ta’ protezzjoni possibbli għal sit arkeoloġiku, dik ta’ Klassi A, li tfisser li hi ta’ importanza kbira fil-qasam tal-arkeoloġija.
Lura fl-2006 William Xerri kien applika għall-ewwel darba sabiex jibni dar b’żewġ sulari, iżda l-pjanijiet intlaqgħu b’oġġezzjoni qawwija mill-Kunsill Nazzjonalista ta’ Ta’ Kerċem u Wirt Għawdex.
F’Settembru tas-sena 2014, seħħ rikonsiderazzjoni tal-permess iżda dawn l-entitajiet msemmija hawn fuq reġgħu oġġezzjonaw. Fis-sena 2017, beda xi skavar fis-sit b’Wirt Għawdex tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jintervjenu sabiex dan is-sit uniku jiġi protett, intant grazzi għal dawn l-isforzi l-iskavar kien ġie mwaqqaf.
Fis-sena 2019, Għar Gerduf u xi artijiet tal-madwar waqgħu taħt ir-responsabbilita tal-gvern bi prezz ta’ €405,500. Sintendi dan ġie ddikjarat bħala mossa li salvat din iż-żona unika minn kull tip ta’ żvilupp.
Jidher iżda li l-gvern ma kienx ċar f’dak li kien ħa taħt idejh, hekk kif il-gvern kien ħa f’idejh parti biss, parti minn wara tal-propjetajiet tagħhom. Infatti, il-pjanijiet ta’ Xerri baqgħu l-istess hekk kif tliet xhur wara, f’Mejju tal-2019 kien reġa’ ressaq l-istess applikazzjoni, bl-unika differenza kien li pproponiet tiġdid tal-permess. Għal darba oħra l-applikazzjoni ta’ Xerri ġiet miċħuda b’ruxmata ta’ oġġezzjonijiet minn diversi entitajiet fosthom il-Kunsill Lokali Ta’ Kerċem, Heritage Malta, Nature Trust Malta, Din l-Art Ħelwa u Wirt Għawdex. Dakinhar l-avukat ta’ Xerri, Ian Stafrace vvota sabiex jibdel l-applikazzjoni u ssospenda l-ipproċessar tagħha.
Mill-2019 l’hawn ma reġgħu ġew sottomessi l-ebda pjanijiet ġodda, bl-applikazzjoni sottomessa issa, dik ta’ Xerri tibqa’ l-istess kif kienet, din id-darba ffinalizzata.
Rappreżentazzjonijiet u oġġezzjonijiet għal din l-applikazzjoni jistgħu jiġu sottomoessi sal-1 ta’ Settembru.

