Futbol Sport

Heung-Min Son jiddeċiedi li jħalli lil Tottenham wara 10 snin

(Ritratt: EPA)

Il-captain ta’ Tottenham Heung-Min Son ħabbar li se jħalli l-klabb f’dan is-sajf. L-attakkant ħabbar id-deċiżjoni waqt konferenza stampa ta’ Tottenham bi preparazzjoni għall-impenn f’partita ta’ ħbiberija kontra Newcastle proprju llum f’pajjiżu l-Korea ta’ Isfel. Il-manager ta’ Tottenham Thomas Frank ħabba li Son se jibda mill-bidu u se jilbes il-faxxa ta’ captain.

Minkejja interess minn klabbs fl-Arabja Sawdija, Son jidher aktar destinat li jkompli l-karriera fil-Major League Soccer fl-Istati Uniti b’mod partikolari ma’ Los Angeles FC. Il-klabb Amerikan jidhru l-aktar interessati u mistennija jżidu d-diskussjonijiet issa li l-istess plejer ħabbar li se jħalli lil Tottenham.

“Iddeċidejt li nħalli lill-klabb dan is-sajf. B’rispett, qed insib għajnuna mill-klabb għal din id-deċiżjoni. Din kienet l-aktar deċiżjoni diffiċli li ħadt fil-karriera tiegħi. Memorji mill-isbaħ. Kienet diffiċli biex nieħu d-deċiżjoni.”

“Għandi bżonn ambjent ġdid biex nimbotta lili nnifsi. Jien għandi bżonn ftit bidla għaliex 10 snin hu żmien twil. Mort Londra bħala tifel ta’ 23 sena. Inħalli lil dan il-klabb bħala adult u raġel kburi. Irrid nirringrazzja lill-partitarji kollha tal-imħabba li tawni. Nittama li t-tmiem tiegħi wasal f’ħin tajjeb u li hu ż-żmien ġust biex nieħu din id-deċiżjoni. Nittama li kulħadd jista’ jaċċettaha u jirrispetta d-deċiżjoni,” qal l-attakkant.

Son hu r-raba’ l-aqwa skorer fl-istorja ta’ Tottenham Hotspur wara Harry Kane, Jimmy Greaves u Bobby Smith. Hu skorja 173 gowl fil-kompetizzjonijiet kollha u serva 101 darba biex sħabu skorjaw. Fil-Premier League, Son sab ix-xibka 127 darba fi 333 logħba. L-aħħar logħba kompetittiva tal-plejer ta’ 33 sena kienet ir-rebħa ta’ 1-0 fil-finali tal-UEFA Europa League kontra Manchester United, unur li kien l-ewwel wieħed ta’ Tottenham mill-2008. Cristian Romero mistenni jkun is-suċċessur ta’ Son bil-faxxa ta’ captain.