Ambjent Lokali

IL-LIĠIJIET TAL-IPPJANAR: Muscat jgħid b’mod ċar li l-Gvern “għamel froġa” b’deċizjoni bla sens

“Huwa ċar li l-Gvern għamel froġa medjatika, b’deċizjoni bla sens li jaqbad jippubblika l-liġi tal-ippjanar il-Ġimgha, bla kliem u bla sliem, u beda jitkellem fuqha it-Tnejn ta’ wara. In-narrattiva kienet laħqet saret u issa l-Gvern qiegħed minn taħt biex jikkonvinċi lin-nies ġenwini dwar bidla li hija essenzjalment tajba.”

Hekk iddikjara fuq il-media soċjali l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, meta kiteb pubblikament fl-istess ħin li Robert Abela kien qed jitkellem fuq ir-radju – biex joħodlu t-tapit minn taħt saqajh.

Fuq Facebook, Joseph Muscat għamel speċi ta’ fact checker li kompla jitfa’ l-melħ fuq il-ferita.

U għalkemm, fi kliemu, jara aspetti pożittivi f’dawn l-abbozzi, xorta wera biċ-ċar li hemm punti li qed isemmu l-għaqdiet ambjentali illi fil-verità huma FATTI.

Fost dawn, Joseph Muscat irrefera għall-fatt li l-Ministru se jkun jista’ iġedded permessi skaduti. B’Muscat jgħid li “l-NGOs għandhom raġun u m’għandux għalfejn jiddaħħal dan il-poter.”

Joseph Muscat ikkonferma wkoll li l-policies il-ġodda se jiġu fuq il-Pjani Lokali.

Huwa veru wkoll li bil-liġijiet il-ġodda li mbotta ‘l quddiem Robert Abela, il-Qorti ma tistax tirrevoka permess iżda trid tibgħat lura l-każ lit-Tribunal tal-Ippjanar.

Kien għalhekk li l-PN ressaq mozzjoni fil-Parlament biex dawn l-abbozzi jiġu irtirati immedjatament – mozzjoni li sabet l-appoġġ tal-għaqdiet ambjentali.