Qed ikun hemm nuqqasijiet regolari fil-mod kif qed jiġu amministrati u approvati s-siegħat u l-pagamenti tal-overtime lill-ħaddiema tal-Ministeru ta’ Għawdex.
Dan ħareġ minn audit li sar mill-Awditur Ġenerali u li sab li f’każ partikolari ħaddiem tħallas ta’ ġurnata sħiħa xogħol meta ħadem sagħtejn xogħol overtime fil-jum tal-Ħadd u f’festa pubblika. Dan b’kuntrast għal impjegat ieħor, li ħadem ftit siegħat fil-jiem tal-Ħadd u l-festi pubbliki … u tħallas bis-siegħa minflok irċieva l-paga ta’ ġurnata sħiħa.
Din id-diskriminazzjoni mal-ħaddiema kienet iġġustifikata mill-Ministeru, għax skont huma dan tal-aħħar kien qed jirċievi pagament addizjonali talli jkun on-call u għalhekk jircievi paga ta’ ġurnata sħiha jekk ikun on-call għal iktar minn tmien sigħat. Bl-Awditur Ġenerali jargumenta li għandu jkun il-ħaddiem li jieħu l-on-call allowance li jissejjaħ meta jkun hemm xogħol urġenti u mhux ħaddiem ieħor.. propju biex jiġi evitat il-ħlas mhux neċċessarju tal-overtime.
Mhux hekk biss iżda l-Awditur Ġenerali sab ukoll raġunijiet vagi għalfejn l-overtime ikun iġġustifikat; fosthom, pressjoni biex jaħdmu matul il-jiem ta’ tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċi kif ukoll dmirijiet ta’ supervizjoni – għalkemm skont l-Awditur Ġenerali l-ebda minn dawn ir-raġunijiet ma kienu attribwiti għal biċċa xogħol partikolari.
Interessanti l-fatt li awditjar ieħor li kien sar fl-2021, kien ukoll sab il-vizju tal-overtime f’dan il-Ministeru, u xorta waħda din it-tenedenza reġgħet instabet f’dan l-aħħar rapport.
Fil-fatt minn kull tmien ħaddiema, sitta minnhom kienu qed jagħmlu overtime fuq perjodu ta’ sitt xhur konsekuttivi; b’każ partikolari li kellu l-overtime tul is-sena kollha.
F’każ ieħor ir-rapport sab li ħaddiem ingħata l-approvazzjoni li jaħdem 347 siegħa bejn Jannar u Ġunju 2024, u 177 siegħa oħra bejn Ottubru u Diċembru, li baċikament jammontaw għal 65 ġurnata fuq bażi ta’ tmien siegħat xogħol fil-ġurnata.