Futbol Sport

Isak jirritorna Newcastle u jistenna x’se jkun il-futur tiegħu

(Ritratt: EPA)

Alexander Isak irritorna Newcastle wara l-kamp ta’ taħriġ personali fi Spanja, proprju ġurnata wara li l-offertà ta’ madwar €120 miljun mingħand Liverpool ma ġietx aċċettata. L-attakkant irrifjuta li jingħaqad mat-tim tiegħu waqt żjara li t-tim għamel fl-Asja hekk kif qed jistenna li t-trasferiment tiegħu ma’ Liverpool iseħħ. Il-kumplament tal-iskwadra tirritorna mill-Asja għada.

Newcastle ma jridux ineħħu lil Isak u qed jitolbu €170 miljun. Fl-istess waqt, Newcastle għamlu offerta ta’ €80 miljun għal Benjamin Sesko ta’ RB Leipzig bl-għan li jkollhom is-sostitut ta’ Isak, dejjem jekk jaċċettaw l-offerta għall-attakkant.

Il-manager ta’ Newcastle Eddie Howe kkonferma li l-klabb irrifjuta l-offerta ta’ Liverpool iżda mhux ċert dwar x’se jkun il-futur ta’ Isak. Il-plejer ta’ 25 sena informa lil Newcastle li jrid jesplora l-għażliet tiegħu fis-suq tat-trasferimenti wara li Liverpool esprimew l-interess b’mod informali. Liverpool jilagħbu kontra Newcastle fil-Premier League proprju fil-25 ta’ Awwissu. Alexander Isak ġej minn staġun mill-aqwa hekk kif skorja 23 gowl fil-Premier League u nqabeż biss minn Mohamed Salah.