Lokali

“It-tifel kien iħobb jgħin lil kulħadd” – Missier Roderick Sciortino

Ritratt ta' Catriel Farrugia Sghendo

“Għalija t-telfa tiegħu hija kbira ħafna, mhux għalija biss, għal ħutu, għal ommu, għan-nanniet , qraba u ħbieb tiegħu.”

Kien b’dan il-mod li Paul Sciortino, iddeskriva in-nuqqas ta’ l-għażiż ibnu Roderick Sciortino li tilef ħajtu, il-Ħamis li għadda, fl-eta ta’ 35 sena.

Il-missier spjega li minn testijiet li sarulu fl-isptar Mater Dei, irriżulta li Roderick miet kawża ta’ daqqiet li qalgħa f’rasu mingħand turist ingliż, wara li kien involut fi ġlieda.

Liema ġlieda seħħet is-Sibt li għadda waqt li Scortino flimkien mas-sieħba tiegħu Alexia Meilak, ħutha u l-ġenituri tagħha, kienu qegħdin jiċċelebraw għeluq l-ewwel sena ta’ bintu, fil-lukanda Seabank Resort and Spa. Il-Missier sostna li kien ġie infurmat li ibnu kien jinsab l-isptar, minn omm Roderick.

F’intervista, ma’ Net News, missieru b’għajnejh mimlijin dmugħ, qasam l-esperjenza traġika tat-telf ta’ ibnu u d-dulur li qrabatu għaddejjin minnu bħalissa, fejn fi ftit kliem iddeskrivieh bħala bniedem b’qalb kbira, ferrieħi u li dejjem lest biex jgħin lil kulħadd.

Fl-istess intervista, Paul Sciortino qasam r-reazzjoni tiegħu għal dak li ntqal li ibnu kellu tumur f’rasu. Huwa stqarr li dan ma kien xejn minnu, tant li tenna li t-tobba stess li tfewlu l-magni talbu għall-organi tiegħu.

Fuq il-midja soċjali, bosta huma dawk li qed isellmu il-memorja tiegħu fosthom anke l-Għaqda Mużikali Santa Marija, Ħal Għaxaq, għaliex Roderick Sciortino kien partitarju, soċju kbir u dilettant tal-Festa tal-Assunta.