Sport Waterpolo

Kollox għal nhar l-Erbgħa bejn Neptunes u Sliema… San Ġiljan l-ewwel tim fil-finali tal-play-off

SLIEMA FRANK SALT……………. 10

NEPTUNES VEST GYMS……….. 13

(2-3), (4-3), (3-3), (1-4)

Neptunes Best Gyms ma setgħux jiżbaljaw u reġgħu taw ċans lilhom infushom li jirbħu l-kampjonat. Meritatament għelbu liċ-champions Sliema Frank Salt biex sfurzaw it-tielet logħba tal-play-offs wara li Sliema bdew din l-isfida 1-0 minħabba li spiċċaw il-kampjonat fl-ewwel żewġ postijiet. Madankollu din kienet it-tielet telfa konsekuttiva li Sliema sofrew wara li tilfu l-aħħar żewġ logħbiet tal-kampjonat proprju kontra Neptunes u San Ġiljan filwaqt li tilfu l-quċċata.

Fost il-protagonisti, spikka Alec Fenech li wera l-kwalitajiet tiegħu fl-attakk b’gowls f’mumenti importanti. Daqstant ieħor kien pożittiv Matthew Castillo fil-lasta ta’ Neptunes. Sliema fuq in-naħa l-oħra.

Neptunes ħadu vantaġġ darbtejn minn Sam Gialanze u Gergo Zalanki iżda Jayden Cutajar u Angelos Vlachopoulos wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet sakemm Stevie Camilleri ta vantaġġ ta’ gowl lil Neptunes għat-tielet darba fl-ewwel sessjoni.

Iż-żewġ timijiet baqgħu jwieġbu lil xulxin sakemm Sliema skorjaw tliet darbiet konsekuttivi u ħadu vantaġġ ta’ 6-4. Din id-darba kien imiss lil Neptunes biex iwettqu reazzjoni u rnexxielhom bi ġmiel ta’ backhand ta’ Alec Fenech u s-centre Jake Bajada.

L-ewwel żewġ sessjonijiet ma firdux liż-żewġ timijiet iżda lanqas it-tielet waħda. Jayden Cassar u Jayden Cutajar taw vantaġġ doppju lil Sliema għat-tieni darba fil-logħba u wara li Stevie Camilleri naqqas id-distakk, Dino Zammit kabbar il-vantaġġ għal 9-7. Hawn reġa’ spikka Alec Fenech li b’doppjetta fi ftit sekondi annulla d-differenza.

Fl-aħħar sessjoni, Neptunes ħadu l-logħba f’idejhom u pass pass resqu lejn ir-rebħa. Zalanki ta vantaġġ importanti lil Neptunes minn penaltyu lejn nofs is-sessjoni Stevie Camilleri għadda l-ballun wara Benji Busuttil għal vantaġġ doppju. Dan il-vantaġġ ġie kkonsolidat għal tlieta fl-azzjoni sussegwenti permezz taż-żagħżugħ Julian Valletta. Minn hawn il-logħba ta’ Sliema kienet għat-telgħa u reġa’ kien Valletta li ssiġilla r-rebħa minuta u nofs mit-tmiem.

Sliema: N. Grixti, E. Schembri (1), L. Galea (1), J. Gambin (1), J. Cassar (1), B. Cachia (1), J. Cutajar (2), D. Rizzo, A. Galea, A. Vlachopoulos (2), D. Zammit (1), B. Busuttil, J. Chircop, S. Engerer

Neptunes: M. Castillo, S. Gialanze (1), G. Zalanki (2), L. Mallia, J. Camilleri, J. Valletta (2), S. Camilleri (3), M. Castillo, B. Schranz, J. Bajada (1), A. Fenech (4), M. Azzopardi, M. Rossi, E. Mallia

Referees: Daniele Bianco, Massimo Angileri

SAN ĠILJAN MAA DAIKIN……… 13

SIRENS BUILD FITNESS……………. 5

(2-0), (3-2), (2-2), (6-1)

San Ġiljan MAA Daikin komplew fuq l-aħħar prestazzjonijiet u riżultati. Huma għamlu dak mistenni minnhom u għelbu lil Sirens Build Fitness 13-5 biex sar l-ewwel tim li aċċerta post fil-finali tal-play-offs. Sirens irkupraw wara bidu kajman iżda meta verament resqu qrib l-avversarji, ma rnexxielhomx jagħmlu l-iskor indaqs b’konsegwenza li kellhom jiġru wara r-riżultat il-ħin kollu.

Il-Ġiljaniżi bnew vantaġġ doppju fl-ewwel sessjoni minn penalty ta’ Aaron Younger u gowl fl-aħħar minuta tas-sessjoni skorjat minn Ben Plumpton. Id-distakk saħansitra kiber għal erba’ gowls fit-tieni sessjoni u deher li San Ġiljan kellhom il-kontroll tal-logħba.

Sirens irnexxielhom inaqqsu d-distakk għal 5-2 fl-aħħar żewġ minuti tas-sessjoni u poġġew il-pressjoni fuq l-avversarji b’doppjetta ta’ Nicolas Bicari fil-bidu tat-tielet sessjoni. Darren Zammit għamilhom 6-4 biex reġa’ ġab ftit stabbiltà fit-tim Ġiljaniż iżda l-gowl importanti tal-logħba seħħ eżatt mat-tisfira ta’ tmiem is-sessjoni b’xutt tajjeb ta’ Nikolai Zammit.

Tliet gowls distakk fl-aħħar sessjoni bidel ix-xenarju għal Sirens u l-gowl tat-8-4 minn Daniel Tully għamilha diffiċli biex b’xi mod setgħu jirkupraw. San Ġiljan ħadu l-opportunità biex ikabbru l-marġni tar-rebħa u komplew isibu x-xibka anki minn plejers differenti għal rebħa komda li tqawwilhom qalbhom għall-impenji li jmisshom.

San Ġiljan: J. Tanti, D. Bugeja (1), D. Tully (2), R. Caruana, A. Younger (2), M. Zammit (1), J. Bonavia, B. Plumpton (1), J. Abela, N. Zammit (2), D. Zammit (2), N. Schiavone (2), Z. Attard, G. Bonavia

Sirens: J. Parnis, P. Serracino, N. Bicari (3), P. Borg, J. Cachia (1), K. Agius, M. Ortoleva, I. Riolo (1), J. Zerafa Gregory, M. Sciberras, Z. Mizzi, G. Farrugia, M. Bonello DuPuis, G. Pace

Referees: Peter de Jong, Ronnie Spiteri

Logħob li jmiss

L-Erbgħa 6 ta’ Awwissu

S/F 3 logħba I Diviżjoni: Marsaskala v Otters 6.15pm

S/F 3 logħba Premier: Neptunes v Sliema 7.30pm