Opinjoni

OPINJONI: Ir-riperkussjonijiet tal-instabbiltà fis-servizz tal-eletettriku

It-tħaddim ta’ sistemi bħax-Shore-to-Ship jeħtieġ infrastruttura ta’ enerġija li hi affidabbli, skalabbli u proattiva fil-konfront ta’ sfidi klimatiċi u demografiċi li qed jiżdiedu

minn James Aaron Ellul

Il-proġett Shore-to-Ship, li għandu l-għan li jipprovdi enerġija nadifa lill-vapuri tal-cruise waqt li jkunu sorġuti fil-Port il-Kbir, huwa bla dubju pass ’il quddiem lejn titjib fil-kwalità tal-arja u tnaqqis fil-ħsara ambjentali li dan is-settur iġib miegħu.
Madanakollu, każi riċenti ta’ qtugħ f’daqqa fil-provvista tad-dawl jikkonfermaw li, għal darb’oħra, għandna Gvern li jagħmel proġetti għall-wiri imma jfalli fl-aktar ħaġa essenzjali – is-sostenibbiltà u l-affidabbiltà fit-twettiq tagħhom.
Ftit ġimgħat ilu, cruise liner li kien sorġut fil-Port il-Kbir spiċċa bla dawl, b’eluf ta’ passiġġieri abbord jaffaċċjaw konfużjoni u qtugħ sħiħ tas-servizzi. Dan mhux biss ħoloq inkonvenjent kbir, iżda wassal ukoll għal mistoqsijiet serji dwar kemm nistgħu verament niftħu idejna b’sistemi bħal dawn, jekk l-infrastruttura mhijiex kapaċi tappoġġjahom.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-potenzjal ta’ Malta iżjed nadifa u sostenibbli. Imma x’utilità għandu proġett bħal dan jekk il-grid nazzjonali ma jlaħħaqx? Dan mhux biss każ ta’ qtugħ ta’ dawl wieħed, iżda sintomu ta’ problema usa’ – in-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul u nuqqas ta’ investiment strateġiku fl-infrastruttura tal-enerġija.

Għajnuna mir-residenti
Fil-ħidma tiegħi bħala Viċi Sindku tal-Floriana, kont fost dawk li appoġġjaw dan il-proġett mill-bidu nett. Għamilna laqgħat mal-awtoritajiet u mal-istess residenti, biex niżguraw li l-ambjent tal-madwar, speċjalment fil-viċinanzi tal-moll, ikun protett mill-impatt ta’ tniġġis.
Ir-residenti tal-Floriana għamlu s-sehem tagħhom ukoll, hekk kif anki ġabru u kisbu ammont ta’ informazzjoni dwar kif fuq kollox dan il-proġett mhux dejjem qed jintuża. Mhux jintuża wkoll anki minħabba li mhux kull vapur għandu l-mekkaniżmi li jagħmel dan. Jien dejjem nemmen li fil-ħajja kollox pass pass u jekk sejrin lejn id-direzzjoni t-tajba, inkomplu.
Għalhekk insostni li issa huwa l-mument li l-Gvern jagħmel tiegħu – billi jissalvagwardja din l-inizjattiva b’investiment serju u mhux b’miżuri parzjali jew deċiżjonijiet li jpoġġu f’riskju kemm il-komunità kif ukoll il-kredibbiltà ta’ pajjiżna.
L-investiment f’sistemi bħax-Shore-to-Ship ma jistax isir a skapitu tagħna. Il-benefiċċji ambjentali, ekonomici u reputazzjonali jistgħu jintilfu jekk ma jsirx investiment parallel fis-sistema tal-provvista u d-distribuzzjoni tal-enerġija. Mhux normali li fl-eqqel tas-sajf, pajjiżna jibqa’ jsofri minn qtugħ regolari tad-dawl li jolqtu mhux biss il-familji iżda wkoll il-komunitajiet kummerċjali u turistici.
Illum fejn ngħix jien, f’Santa Venera, esperjenzajt ukoll qtugħ fil-provvisa tal-elettriku għal sigħat twal.

Reputazzjoni f’riskju
Ejja nkunu onesti: jekk cruise liners jibdew jitilfu l-fiduċja fil-provvista tal-enerġija tagħna, jistgħu jsibu portijiet alternattivi. Dan joħloq ripple effect li jista’ jolqot b’mod negattiv l-ekonomija lokali, inkluż negozji u servizzi relatati. Ma nistgħux nippermettu li proġett ta’ €33 miljun jispiċċa mitluf għax il-Gvern naqas milli jippjana tajjeb u jagħti kont pubbliku dwar inċidenti bħal dak li seħħ ftit ilu.
Il-poplu, it-turisti u l-industrija jeħtieġu aħjar. Jistħoqqilhom servizz li jistgħu jorbtu fuqu, u Gvern li ma jaħbix l-informazzjoni meta jiġri xi ħaġa gravi.
Il-kontabbiltà u t-trasparenza mhumiex xi lussu – huma dritt fundamentali f’pajjiż demokratiku.

Intejbu
Il-każ tal-qtugħ fil-provvista tal-enerġija jixħet dawl fuq problema strutturali iktar profonda: nuqqas ta’ sinkronizzazzjoni bejn politika ambjentali ambizzjuża u l-kapaċità infrastrutturali li tappoġġjaha. Għalkemm il-proġett Shore-to-Ship jirrappreżenta metodu modern u sostenibbli, l-implimentazzjoni tiegħu għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni oġġettiva tal-kapaċitajiet teknoloġiċi u loġistiċi eżistenti.
Il-pjanifikazzjoni urbana u industrijali trid tkun informata minn prinċipji ta’ robustezza u reżiljenza: dan ifisser li kull investiment infrastrutturali għandu jittieħed mhux biss għax jagħmel sens ambjentali, iżda wkoll għax jista’ jiġi sostnut f’termini operattivi.
B’mod partikolari, it-tħaddim ta’ sistemi bħax-Shore-to-Ship jeħtieġ infrastruttura ta’ enerġija li hi affidabbli, skalabbli u proattiva fil-konfront ta’ sfidi klimatiċi u demografiċi li qed jiżdiedu.

Il-politika tal-Partit Nazzjonalista
Hawn tidħol il-politika tagħna, tal-PN, fejn il-proġetti jiġu evalwati mhux biss fuq il-bażi tal-impatt immedjat tagħhom, iżda wkoll fuq kemm jistgħu jiġu integrati b’mod sostenibbli fi struttura nazzjonali li tassew kapaċi tilqa’ u tmexxi l-bidla.
Għalhekk, jekk Malta trid tkompli tpoġġi lilha nnifisha bħala mexxejja f’soluzzjonijiet ambjentali fil-Mediterran, għandha tibda billi ssostni l-pedamenti ta’ dawk is-soluzzjonijiet b’realtà infrastrutturali soda, prevedibbli u verament affidabbli.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon ta-Sibt 2 ta’ Awwissu, 2025.