Lokali Qorti

Jammetti li qatel numru ta’ qtates f’Tas-Sliema

Satoshi Okamura, raġel Ġappuniż ta’ 31 sena residenti f’Tas-Sliema, ammetta l-akkużi miġjuba kontrih relatati mal-qtil u l-moħqrija ta’ annimali, wara li ġie arrestat mill-Pulizija f’konnessjoni ma’ diversi każijiet ta’ qtates maqtula fil-lokalità.

Huwa wieġeb ħati wkoll li rreżista l-arrest u li kkaġuna ġrieħi ħfief lil uffiċjal tal-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-investigazzjoni ffukat fuq l-inħawi ta’ Tas-Sliema fejn l-awtoritajiet kellhom suspett qawwi li l-persuna responsabbli kienet tinsab f’dawk l-akwati.

Okamura ġie arrestat f’Triq Manuel Dimech nhar il-Ġimgħa filgħodu, fejn intlemħet persuna bil-karatteristiċi deskritti mill-filmati tas-sigurtà. Waqt tfittxija li saret fuqu, instabu par ingwanti tal-latex u pakketti tal-ikel tal-qtates – elementi li kienu jqajmu suspetti serji, peress li kienu simili għal dawk li dehru fil-filmati tas-sigurtà relatati mal-qtil tal-annimali.

Wara l-arrest tiegħu, il-Pulizija wettqet tfittxija fir-residenza tiegħu, fejn ġew elevati l-ħwejjeġ li kien liebes meta deher f’filmati ta’ CCTV qrib il-postijiet fejn nstabu l-qtates mejta. Il-każ ġie differit għall-15 ta’ Settembru biex jissoktaw il-proċeduri, fosthom il-preżentazzjoni tal-provi forensiċi u x-xhieda pendenti. Okamura baqa’ miżmum taħt arrest preventiv. Numru ta’ persuni kienu barra l-Qorti bdew jinsulentaw lil Okamura minħabba l-moħqrija li saret fuq il-qtates li f’Malta huwa reat.