Lokali

Hemm bżonn aktar infurzar tal-liġijiet fit-toroq

Hemm bżonn iżjed infurzar tal-liġijiet fit-toroq. L-inċidenti dejjem se jiġru, iżda infurzar adekwat tal-liġijiet jista’ jnaqqas dawn il-perikli.

Dan hu s-sentiment li ġie espress fl-editorjali tal-Ħadd tal-MaltaToday u t-Times of Malta, li iddiskutew kif it-toroq ta’ Malta saru wisq ta’ periklu; primarjament għax mhemmx infurzar adegwat tal-liġijiet.

Fl-editorjali ssemma’ kif il-fatalitajiet fit-toroq matul dawn l-aħħar ġimgħat żdiedu b’mod drastiku – tant li l-editorjal ta’ Times of Malta sostna li din kienet l-iżjed ġimgħa fatali fit-toroq f’25 sena.

L-editorjal tal-MaltaToday sostna li hemm bżonn jinħoloq road safety bureau li jinvestiga dak li wassal sabiex iseħħu l-inċidenti, ħalli min joħloq il-liġijiet u min jiddisinja t-toroq ikun jista’ jifhem dak li hemm bżonn isir. Hemm bżonn ukoll infurzar permezz ta’ uffiċjali fit-toroq, li jwettqu testijiet għall-alkoħol u d-drogi matul is-sena kollha.

Fiż-żewġ editorjali issemma’ li l-Gvern kien wiegħed li se joħloq Kummissjoni Investigattiva għas-Sigurta’ tat-Trasport – u minflok ħolqu biss unit ta’ uffiċjali tal-Pulizija speċifiċi għat-toroq. Għalkemm jibqa’ l-fatt li din il-Kummissjoni għandha tkun ta’ prijorita’ assoluta għall-Ministru tat-Traffiku Chris Bonett.

Fl-analiżi tagħhom, il-ġurnali sostnew li hemm bżonn iżjed edukazzjoni dwar is-sigurtà fit-toroq, u jekk ikun hemm aktar infurzar strett tal-liġi, is-sewwieq se jkollu iżjed inċentiv sabiex isuq b’mod adekwat, u ma jitfa’ ebda ħajja fil-periklu.