Il-Ħamas qed jinsisti li mhux se jaqbel dwar diżarm mingħajr il-konferma ta’ Stat sovran tal-Palestina ….Dan meta l-grupp terrorista Palestinjan qed jidher inflessibbli b’din id-domanda waqt il-fażi attwali tad-diskussjonijiet mar-rappreżentanti ta’ Iżrael rigward waqfien mill-ġlied potenzjali fil-Medda ta’ Gaża.
Il-kelliema għall-Ħamas enfasizzaw din ir-reazzjoni tal-grupp wara li Steve Witkoff, ir-Rappreżentant tal-Istati Uniti għal-Lvant Nofsani, qal li l-Ħamas, fi tmiem il-ġimgħa, ‘esprima r-rieda li iwarrab għall-armamenti’.
Intant, Iżrael jikkunsidra d-diżarm tal-Ħamas bħala waħda mill-kundizzjonijiet ewlenin għal kwalunkwe ftehim biex jintemm il-konflitt fl-artijiet ta’ Gaża.
L-aħħar żviluppi jirriflettu l-intoppi għan-negozjati indiretti bejn Iżrael u l-Ħamas u fejn l-Iżraeljani qed jinsistu għall-ħelsien tal-ostaġġi li ilhom ix-xhur miżmumin mit-terroristi.
Fl-aħħar jiem, il-Gvernijiet tal-pajjiżi Għarab ħeġġew lill-Ħamas biex jikkonkludi d-diżarm u jċedi l-kontroll ta’ Gaża wara li numru ta’ pajjiżi tal-Punent, fosthom Franza u l-Kanada, ħabbru l-pjani biex jirrikonoxxu lill-Istat tal-Palestina.
Fl-istess ħin, ir-Renju Unit ukoll għandu jirrikonoxxi Stat tal-Palestina f’każ li Iżrael ma jirrispettax numru ta’ kundizzjonijiet speċifiċi sa Settembru.
Il-grupp Ħamas hu kategorizzat bħala entità terroristika fl-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u r-Renju Unit u r-rappreżentanti tiegħu, fl-aħħar stqarrija, qalu li mhumiex se jwarrbu għad-dritt li jirreżistu lil Iżrael ‘dment li ma jkunux garantiti minn Stat indipendenti u sovran tal-Palestina, bil-belt ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali’.
Maqtul waqt attakk fuq il-kwartieri ta’ fejda
L-aħħar rapporti minn Gaża, intant, allegaw li l-qawwiet Iżraeljani attakkaw il-kwartieri-ġenerali tas-Soċjetà Iżlamika tas-Salib l-Aħmar, u fejn inqatlu żewġ ħaddiema, b’oħrajn jisfaw midruba. Ir-rapporti għamluhom l-uffiċjali ta’ din is-soċjetà –magħrufa bħala Red Crescent – u meta, skont huma. l-attakk ikkaġuna n-nirien fil-bini tas-Soċjetà.
Il-faċilità inkwistjoni tinsab fil-belt ta’ Khan Younis, u l-istess uffiċjali qalu li l-Iżraeljani ‘attakkaw bi ħsieb’ il-lokalità minkejja li hi markata bl-emblema ħamra protettiva li tindika attività umanitarja qalb iz-zona partikulari.
L-Armata Iżraeljani, sadanittant, ċaħdet l-akkuża fost l-insistenza li ma kienet taf xejn dwar xi attakki mill-ajru jew sparaturi bl-artillerija għal fuq il-lokalità f’Khan Younis, li tinsab fin-naħa t’isfel ta’ Gaża.
//= $special ?>