F’intervista waqt il-programm Analiżi fuq NET TV dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jipproteġi l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi quddiem żewġ abbozzi ta’ liġijiet dwar l-ippjanar li ressaq il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela; abbozzi li qalgħu kritika qawwija minn kull settur tas-soċjetà, inkluż minn persuni qrib il-Prim Ministru stess.
Bernard Grech spjega kif dawn iż-żewġ abbozzi ma kinux frott ta’ konsultazzjoni, imma ġew ippreżentati baxx baxx f’nofs is-sajf, f’tentattiv ċar biex jgħaddu bla ma jattiraw attenzjoni. Iżda l-poplu fehem u reġa’ ħarbat il-pjan ta’ dan il-Gvern. Il-kritika ġiet mhux biss mill-Partit Nazzjonalista, imma wkoll minn għaqdiet ambjentali, professjonisti, opinjonisti u saħansitra minn esponenti ewlenin tal-Partit Laburista, fosthom Joseph Muscat li sejjaħ dawn il-liġijiet “froġa”, kif ukoll il-President tal-istess Partit Laburista, li tant ikkritika l-liġijiet kif preżentahom Robert Abela.
Il-PN qal lill-Gvern biex jirtira immedjatament dawn l-abbozzi u minflok jitnieda proċess ġdid, trasparenti u serju li jinkludi konsultazzjoni wiesgħa ma’ kulħadd. Bernard Grech saħaq li jekk verament Robert Abela jemmen fl-iżvilupp sostenibbli, l-ewwel ħaġa li għandu jagħmel hu li jappoġġa b’mod sħiħ il-mozzjoni li ressaq snin ilu l-PN biex l-ambjent jiġi rikonoxxut bħala dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni u jsiru studji ta’ carrying capacity f’kull lokalità, kif qed jitolbu li jsir il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista f’kull belt u raħal f’Malta u Għawdex.
Bernard Grech tkellem dwar is-sigurtà fit-toroq, fejn esprima s-solidarjetà ma’ kull min kien involut f’xi inċident u mal-familji tal-vittmi tal-inċidenti li kellna fl-aħħar ġranet. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li pajjiżna huwa nieqes mill-infrastruttura meħtieġa għal aktar sigurtà għal kulħadd. Hu saħaq fuq il-ħtieġa ta’ taħriġ u riżorsi adegwati għall-forzi tas-sigurtà, kif ukoll aktar kontrolli għal sewqan taħt l-influwenza tad-droga u l-alkoħol. Huwa qal li l-ebda Gvern ma jista’ jevita kull incident li jista’ jseħħ, iżda jrid ikun hemm rieda ferm akbar min-naħa tal-Gvern biex jassigura li qed isir dak kollu possibbli biex is-sewwieqa jkollhom l-akbar salvagwardji possibbli waqt is-sewqan. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ma jistax ikun li nibqgħu naraw mentalità ta’ kollox jgħaddi fit-toroq tagħna.
Bernard Grech elenka wkoll diversi kisbiet interni li saru fil-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ħames snin, fosthom l-istejjer ta’ suċċess finanzjarju ta’ NET Media u t-għeluq tat-Trust biex issa l-Partit għandu aktar saħħa permezz tal-każini tiegħu. Dan sar b’ħafna ħidma għaqlija u b’sagrifiċċji kbar.
Huwa fakkar li dawn il-kisbiet ma bdewx ħames snin ilu imma ilhom jinbnew tul is-snin .
Bernard Grech qal li l-kisbiet tal-aħħar snin ġew grazzi għal ħidma responsabbli u viżjoni ta’ tmexxija b’saħħitha u bis-saħħa ta’ kulħadd, filwaqt li saħaq li l-Partit Nazzjonalista jinsab fuq triq ċara biex ikun gvern alternattiv b’saħħtu.
