Filwaqt li l-Ewropa għadha fil-morsa tas-sħana straordinarja, il-kurrenti tal-arja sħuna li għaddejjin mill-Afrika ta’ Fuq għal fuq il-kontinent komplew jaggravaw is-sitwazzjoni għar-residenti fil-Penisola Iberjana….Ċirkustanzi li jfissru li l-Portugall u Spanja għandhom iġarrbu l-impatt mit-temperaturi rari anki għall-eqqel tas-sajf u li, għalissa, jistgħu jibqgħu konsistenti mal-45 gradi Celsius.
Fil-fatt, il-Portugall ilu mis-sigħat bikrija tal-Ħadd josserva stat ta’ allert minħabba li kiber sew il-potenzjal għan-nirien ġodda qalb foresta,,,Dan dejjem b’riżultat tat-temperaturi għoljin – u bir-residenti qed ikunu mħeġġa biex jieħdu l-prekawzjonijiet kollha.
Min-naħa tagħha, Maria Lúcia Amaral, bħala l-Ministru Portugiż għall-Ammininistrazzjoni Interna, qalet li dan l-istat ta’ allert fil-pajjiż għandu jibqa’ infurzat sa nhar il-Ħamis, is-7 ta’ Awwissu.
Minbarra t-temperaturi għoljin storiċi, il-Portugall u Spanja qed jiffaċċjaw ukoll livelli tal-umdità mill-aktar baxxi – bl-Istati ġirien qegħdin jaddottaw il-miżuri speċjali u preventivi biex ikunu jistgħu jikkontrollaw is-sitwazzjonijiet tan-nirien ġodda li qegħdin jidhru imminenti.
Il-Portugall, f’dawn il-jiem, se jkun qed jimplimenta l-miżuri ta’ sigurtà eċċezzjonali li fost oħrajn jipprojbixxu l-movimenti tan-nies qalb iz-zoni tal-pajjiż iddominati bil-foresti.
Għalkemm mhux eskluż li t-temperaturi, ‘il quddiem, jonqsu fir-reġjun Portugiż ta’ Algarve, ir-‘red alert’ għas-sħana, matul il-jiem li ġejjin, mistenni jibqa’ konsistenti għall-inħawi ta’ Porto, Braga, Bragança, Viana do Castelo u Vila Real.
Sadanittant, l-iljieli qalb il-Penisola Iberjana mistennija jqarrbu livell ‘tropikali’, fejn it-temperaturi jvarjaw bejn il-25 u t-30 gradi Celsius…..Aspetti ċari ta’ ‘heatwave’ li qed jiġġenera t-twissijiet kontinwi dwar is-saħħa għall-maġġoranza tal-Portugiżi u Spanjoli.
It-twissija fuq livell ‘oranġjo’ fil-Portugall hi t-tieni l-ogħla allert fuq skala ta’ tlieta u din tingħata waqt sitwazzjonijiet meteoroloġiċi li jirriflettu element ta’ sogru li jvarja mill-moderat sa livell ta’ periklu għoli li hu dipendenti mit-temp.
//= $special ?>