Lokali

Inċidenti fit-toroq: L-agħar ġimgħa fl-aħħar 25 sena

Kienet l-aktar ġimgħat li rat imwiet fit-toroq ta’ Malta f’dawn l-aħħar 25 sena, b’esperti jgħidu li dan huwa riżultat ta’ falliment meta niġu għall-prijorità u l-importanza mogħtija lis-sigurtà fit-toroq.

Kienu sitta n-numru ta’ persuni li tilfu ħajjithom bejn it-23 u d-29 ta’ Lulju fit-toroq Maltin. Skont informazzjoni miġbura minn Paolo Cassar Manghi li huwa attivist fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq, ħareġ illi kien lura fis-sena 2000 meta seħħew daqstant mwiet minħabba inċidenti tat-traffiku f’perjodu ta’ sebat ijiem. Huwa tenna li dawn il-fatalitajiet huma traġiċi iżda mhuwiex sorpriżi li spiċċajna f’din is-sitwazzjoni.

Cassar Manghi li ilu mill-1970 jistudja l-fatalitajiet fit-toroq, irrimarka li dawn l-imwiet jirriflettu falliment profond fl-istruttura. Bl-argument tiegħu jkun li t-toroq f’Malta huma magħmula bil-ħsieb sabiex inaqqsu l-ħin tal-ivjaġġar aktar milli biex jissalvagwardja l-ħajjiet tan-nies.

Hemm il-bżonn li t-toroq jiġu ddiżinjati bil-kunċett tas-sigurtà bħala prijorità – fost dawn Cassar Manghi ppropona aktar toroq dojoq, toroq inqas dritt ħalli awtomatikament inaqqsu l-veloċità. L-istrateġija ta’ toroq dojoq kienet intgħoġbot mill-gvern 25 sena ilu iżda din l-idea ġiet abbandunata u ġew implimentati toroq akbar fl-aħħar snin.

Intant, b’dawn is-sitt fatalitajiet li seħħew f’Lulju, b’kollox seħħew 17-il fatalita din is-sena…li għadna biss f’nofsha. Kienu 5 li kellhom ħajjithom maħtufa traġikament f’Ġunju, persuna f’Mejju, oħra f’April, persuna oħra fi Frar u tlieta matul ix-xahar ta’ Jannar.