Futbol Sport

Jake Brimmer, l-aħħar wiċċ ġdid fl-iskwadra nazzjonali Maltija. Min hu?

Christian Micallef

Fl-aħħar jiem, isem ta’ plejer Awstraljan, b’dixxindenza Maltija, li Replay ilu s-snin insegwi permezz tal-pjattaformi diversi tiegħu, ħa d-deċizjoni li jilgħab għal Malta, u b’hekk iċedi darba għal dejjem għall-ħolma li jilgħab mat-tim nazzjonali tal-kbar tal-Awstralja, fl-etá ta’ 27 sena. Brimmer hu wieħed mill-plejers stabbiliti u meqjusa ta’ esperjenza fl-A-League Awstraljan, u li minn staġun ilu ‘l hawn hu plejer ta’ Auckland FC.

Niftakar sew, kif isem Jake Brimmer f’Malta kien issemma’ għall ewwel darba fil-media lokali minn Replay, disa’ snin u nofs ilum meta kien għadu kemm issieħeb ma’ Liverpool. Dak iż-żmien, Brimmer kien għad kellu 16-il sena.

Jake Brimmer kien jifforma parti mill-Akkademija ta’ Liverpool

Brimmer hu iben missier Malti, u llu bil-passaport Malti għal dawn l-aħħar snin. Il-passaport Ewropew, sforz l-għeruq tiegħu Maltin, kien kruċjali biex bejn Mejju tal-2014 u Mejju tal-2017, Brimmer kien lagħab maż-żgħar ta’ Liverpool u kien fuq l-għatba tad-debutt mat-tim tal-kbar ta’ The Reds. Dan għaliex, f’dak iż-żmien, meta r-Renju Unit kienet għadha membru tal-Unjon Ewropea, il-passaport Malti (għaliex jirrapreżenta pajjiż tal-Unjoni Ewropea) kien iċ-ċavetta għall-opportunitá mll-aqwa li Brimmer kellu mal-klabb rinomat Ingliż.

Allura nisħajlek tistaqsi, jekk kellu passaport Malti, x’deċiżjoni ħa issa l-plejer, la Brimmer kien diġa’ fil-pussess ta’ passaport Malti?

L-aħbar li Brimmer għażel lil Malta ġiet żvelata għall-ewwel darba fil-media Awstraljana għaliex dawn saru jafu mal-ewwel, li b’qbil mal-MFA, il-plejer aċċetta li jagħmel dak li jirreferu għalilħ bħala ‘change of country association’ biex ikun jista’ jilgħab għal Malta. F’termini ta’ regolamenti din il-bidla ta’ assoċjazzjoni, plejer jista’ jagħmilha biss darba fil-karriera tiegħu, dejjem jekk ikun jista’ jagħmel dan.

Biex wieħed jifhem aħjar xi tfisser din il-proċedura, iż-żagħżugħ promessa li jilgħab ma’ Reading, Basil Tuma wara li lagħab mal-Uganda fil-livell taż-żgħar, sabiex setgħa jilgħab ma’ Malta, apparti li kellu jissodisfa r-regolamenti taċ-ċittadinanza, ried bilfors jagħmel ‘change of association’ qabel dan setgħa jilgħab għat-timijiet nazzjonali Maltin. Għaldaqstant, m’huwiex biżżejjed li f’sitwazzjoni bħal din ikollok il-passapport ta’ dak il-pajjiz li se tkun se tilgħab miegħu.

Fil-veritá tul dawn l-aħħar snin, xejn ma kien qed ixekkel lil Brimmer milli jiffirma ma’ klabb ieħor Ewropew, la darba Brimmer għandu passaport Ewropew. Ħafna jistaqsu bir-raġun, allura għalfejn Brimmer aċċetta issa li jilgħab ma’ Malta u mhux qabel?

Sempliċi. Il-plejer minn dejjem kien meqjus bħala wieħed mill-promessi ‘l kbar tal-futbol Awstraljan. Brimmer lagħab fil-fażi finali tal-Kampjonati għan-nazzjonijiet tal-Konfederazzjoni Asjatika ta’ taħt id-19-il sena tas-sena 2016, f’edizzjoni li kienet saret fil-Bahrain.  Dik l-edizzjoni kienet intrebet mill-Ġappun.

Interessanti l-fatt li f’dak it-tim, li kien immexxi mill-kowċ Ufuk Talay, fost il-plejers li kienu jagħmlu parti mill-iskwadra Awstraljana ta’ taħt id-19-il sena kien hemm plejer ieħor b’dixxindenza Maltija, il-winger ta’ fuq ix-xellug, Reno Piscopo.

F’dak iż-żmien, Piscopo kien plejer ta’ Inter fl-Italja, madankollu dan il-plejer offensiv, għalkemm kien avviċinat kemm il-darba mill-FA Maltija, hu qatt ma kien interessat li jilgħab għal pajjiżna, anke għaliex għandu l-opportunitá li jilgħab kemm għall-Awstralja kif ukoll għall-Italja, peress li sal-lum hu għandu passaport Taljan iżda għad m’għandux il-passaport Malti.

Piscopo llum għandu 27 sena magħluqa, u jilgħab fl-A-League Awstraljan ma’ Melbourne Victory, fl-istess Kampjonat fejn jilgħab ma’ Auckland FC.

Jake Brimmer meta kien jilagħab ma’ Melbourne Victory f’partita kontra Manchester United

Fl-2014, qabel l-esperjenza ta’ dan it-turnament iżda ta’ taħt is-17-il sena, Brimmer kellu esperjenza pożittiva f’din il-kompetizzjoni meta fl-istess tim minn din il-kategorija, l-Awstralja, kien hemm Brimmer għal darb’oħra. Is-Socceroos kienu waslu sas-semi-finali ta’ dak it-turnament qabel ma sfaw eliminati mill-Korea ta’ Fuq wara l-għoti tal-penalties.

Fl-2015, Brimmer kien parti mit-tim nazzjonali Awstraljan ta’ taħt is-17-il sena li lagħab fit-Tazza tad-Dinja ta’ din il-kategorija, f’edizzjoni li kienet intlagħbet fl-Amerika t’Isfel, fiċ-Ċile. Dak in-nhar it-titlu ta’ champion dinji f’din il-kategorija kien intrebaħ minn Niġerja.

F’dak iż-żmien, Brimmer kien diġa’ qed jilgħab ma’ Liverpool fl-Ingilterra, u l-Awstralja, f’dak it-turnament ta’ għaxar snin ilu, kienu sfaw eliminati fl-istadju tal-aħħar 16-il tim.

Fl-2017, Brimmer irritorna fil-pajjiż nattiv tiegħu, u ffirma ma’ Perth Glory. Fl-2020, Brimmer kien akkwistat minn Melbourne Victory fejn magħhom dam għal erba’ staġuni fl-A-League tal-pajjiż.  L-aqwa suċċess ta’ Brimmer ma’ dan il-klabb wasal fit-tmiem tal-istaġun 2020/21, meta kien parti mit-tim li rebaħ it-Tazza Awstraljana.

Fil-bidu tal-istaġun li għadda, Brimmer biddel il-klabb għal darb’oħra u ffirma ma’ Auckland FC. Tul l-istaġun kollu, Brimmer lagħab 27 partita u skorja tliet gowls.

B’esperjenza kbira, ta’ kważi 200 partita fl-A-League Awstraljan, fejn skorja 16-il gowl u serva mat-23 assist, l-inklużjoni ta’ Brimmer fit-tim nazzjonali Malti mistennija tagħti alternattivi ġodda u firxa aktar usa minn fejn il-kowċ nazzjonali Malti, Emilio De Leo jista’ jagħżel aktar, fir-rwol ta’ plejer f’nofs il-grawnd.

Brimmer kapaċi jilgħab f’kull posizzjoni f’nofs il-grawnd, u dan il-fatt tagħmlu plejer aktar versatili madankollu l-plejer ta’ 27 sena, irid ta bilħaqq juri l-kwalitajiet tiegħu bil-kbir ma’ Malta biex jirbaħ postu għaliex fl-istess rwol tiegħu hemm plejers li huma meqjusa importanti fil-logħba li tesebixxi Malta kontra kwalunkwé avversarju, bħal fil-każ ta’ Teddy Teuma, Matthew Guillaumier u Alex Satariano.