Lokali

Jakkużaw lil Abela b’riforma “korrotta” fl-ippjanar

“L-aktar riforma korrotta tal-ippjanar li qatt saret”.

Hekk iddeskriviha Ingram Bondin, il-President tar-Ramblers Association waqt il-programm ‘Perspettivi’, preżentat minn Roberta Bonello. Riforma illi Robert Abela ddeċieda li ma jikkonsultax dwarha mal-poplu Malti u Għawdxi.

Tul il-programm, Ingram Bondin semma’ kif l-attivisti ilhom għal dawn l-aħħar sentejn jitolbu lil Abela sabiex jikkonsultahom dwar din ir-riforma; xi ħaġa li qatt ma saret. Issa, Bondin stqarr illi l-ngo’s mhuma ser jidħlu fl-ebda tip ta’ konsultazzjoni, għaliex din ir-riforma hija farsa. U qal illi Robert Abela għandu jirtira dawn il-liġijiet – kif qed jipproponi b’saħħa il-Partit Nazzjonalista.

Bħalissa l-liġijiet huma l-istess għal kulħadd, u kulħadd jaf x’inhu permessibbli f’kull żona, iżda jidher li Robert Abela jixtieq idaħħal il-prinċipju tad-diskrezzjoni – hekk kif, il-Bord ser ikun jista’ jiddeċidi għal min jixtieq jiddevja jew jgħawweġ il-policy u lil min ser jobligah jsegwi strettament il-policy.

Din il-ġimgħa, bosta kienu l-għaqdiet li nġabru quddiem il-Parlament u tkellmu b’saħħa kontra din il-mossa. Bil-Prim Ministru joħroġ fuq barra tal-Parlament u jdawwarha fuq dawk preżenti – li huma mhumiex jifhmu dak li qed jitressaq.

Ingram Bondin minn naħa tiegħu insista li l-konsultazzjoni kellha ssir qabel, u mhux wara li r-riforma tkun ħarġet bħal ma qed jagħmel il-gvern ta’ Abela.

L-NGOs qed jappellaw lil Robert Abela sabiex jirtira minnufih din il-liġi. Liġi li saret sabiex tkompli tkisser il-ħidma tal-għaqdiet u tipprova ssikithom.

Għalhekk, l-NGOs huma deċiżi li mhuma ser jidħlu fl-ebda diskussjoni rigward din ir-riforma.