Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li hedded lis-sieħba tiegħu b’sikkina

Żagħżugħ ta’ 28 sena residenti l-Mosta inżamm arrestat fuq akkużi ta’ vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu, inkluż b’theddid ta’ arma.

Il-prosekuzzjoni spjegat li fl-1 t’Awwissu, is-sieħba tal-akkużat għamlet rapport dwar argument li eskala li seħħ dakinhar stess filgħodu. L-akkużat allegatament ta diversi daqqiet bil-ponn u bis-sieq lit-tfajla, kif ukoll b’lasta ta’ xkupa. Hu heddidha wkoll b’imqass m’għonqa u b’sikkina tal-ħobż.

Ir-raġel qed jiffaċja wkoll akkużi ta’ offiża u insulenti fil-konfront tal-Ispettur.

L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Qorti ċaħdet din it-talba.