Lokali Qorti

Jinżammu taħt arrest b’rabta ma’ traffikar tad-droga

Il-Ħadd il-Pulizija ressqet żewġt irġiel Libjani l-Qorti t’Għawdex; Goma Mohamed Abdelmohsen Mohamed ta’ 35 sena u Abdul Hamid Mohammed ta’ 36 sena tressqu b’rabta ma’ traffikar tad-droga f’Għawdex.

L-irġiel nżammu taħt arrest wara li tressqu l-Qorti b’rabta mas-sejba ta’ droga f’appartament fi Triq il-Wied f’Marsalforn. F’din it-triq huma ġew osservati jgħaddu xi pakketti lil individwi oħra u ġew arrestati.

Fi tfittxija li għamlu l-Pulizija fuq il-post, instabu diversi pakketti mimlija sustanza bajda, suspettata droga kokaina, b’valur fis-suq ta’ iżjed minn €5,000, kif ukoll madwar €4,000 fi flus kontanti.

Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjubin kontrihom, iżda huma baqgħu miżmumin taħt arrest.