Internazzjonali

L-Ukrajna, mill-ġdid, tattakka l-faċilitajiet tal-enerġija fir-Russja

Il-qawwiet tal-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, wettqu attakk preċiż bid-drones fuq il-faċilitajiet taż-żejt fir-Russja u bir-riżultat li ħa n-nar depot ewlieni fil-limiti tar-resort ta’ Sochi, maġenb il-Baħar l-Aħmar.

L-awtoritajiet fir-reġjun ta’ Krasnodar qalu li wieħed mid-drones laqat direttament lil wieħed mit-tankijiet tal-fuel u li l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed jippruvaw jikkontrollaw il-fjammi qabel jinfurxu lejn bnadi oħra.

F’din is-sitwazzjoni, l-ajruport viċin ta’ Sochi – ir-resort li kien ospita l-Olimpjadi tax-Xitwa tal-2014 – issospenda t-titjiriet għal xi żmien.

L-awtoritajiet Russi, fl-aħħar sigħat, qalu li l-attakk fuq ir-raffinerija taż-żejt ‘il hinn minn Sochi kien biss wieħed mill-attakki tal-Ukreni fuq l-istallazzjonijiet fl-ibliet ta’ Ryazan, Penza u Voronezh, lejn in-naħa t’isfel tar-Russja.

L-uffiċjali militari fl-Ukrajna ma kkummentawx dwar dawn l-azzjonijiet iżda hu minnu li l-qawwiet Ukreni ilhom il-ġimgħat jimmiraw għall-infrastruttura tal-enerġija fir-Russja, bħala ritaljazzjoni għall-bumbardamenbti tar-Russi fuq il-faċilitajiet li jipproduċu l-enerġija għall-poplu tal-Ukrajna.

Fil-fatt, il-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, mill-ġdid attakkaw lill-ibliet tal-Ukrajna fost rapporti li l-missili qerdu numru ta’djar u infrastruttura ċivili fil-belt ta’ Mykolaiv…Attakk li ħalla wkoll diversi midruba fl-inħawi.