Internazzjonali Lokali

Papa Ljun XIV iħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ixerdu t-tama

Il-Ħadd filgħodu l-Papa Ljun Erbatax iċċelebra l-quddies li mmarkat it-tmiem ta’ waħda mill-aktar avvenimenti importanti għas-sena tal-knisja. Aktar minn miljun kristjan mlew Tor Vergata f’Ruma fejn il-Papa bagħat messaġġ mimli tama għaż-żgħażagħ affetwati mill-gwerra tal-Ukrajna u l-Gaza.

Papa Ljun Erbatax ħeġġeġ il-miljuni ta’ Kattoliċi li nġabru f’Ruma għall-ġublew taż-żgħażagħ sabiex ixxerdu l-entużjażmu u jkunu xhieda tal-fidi tagħhom meta jirritornaw lura lejn il-150 pajjiż differenti tagħhom. Apparti l-ġublew taż-żgħażagħ, din il-ġimgħa, ġie ċċelebrat ukoll Jum Dinji taż-żgħażagħ.

Kienu diversi dawk iż-żgħażagħ li qattgħu l-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd fuq il-ħaxix ta’ Tor Vergata, hekk kif il-Ħadd filgħodu riedu jkunu kollha miġburin għal-quddiesa solenni ta’ għeluq mill-Papa.

Bis-Sibt filgħaxija l-Papa dar bil-Popemobile madwar Tor Vergata.

Il-Ħadd filgħodu ingħaqdu mal-Papa Ljun Erbatax, 20 kardinal, 450 isqof u madwar 7,000 qassis fosthom qassisin Maltin u Għawdxin sabiex flimkien iċċelebraw il-quddiesa.

Huwa kkwota lil Papa Franġisku fejn qal li “Kull wieħed u waħda minna hu msejjaħ biex jaffaċja mistoqsijet kbar li m’għandhomx tweġiba sempliċi jew immedjata, iżda jistednuna biex nibdew vjaġġ, vjaġġ illi jġegħilna niskopru lilna nfusna. Wieħed m’għandux għax jibża’ jekk isib lilu nnifsu għatxan għal tifsira jew għal futur. Dan kollu ma jfissirx li aħna morda iżda li aħna ħajjin”.

Fl-aħħar tal-quddiesa, propju fl-Anġelus, il-Papa rringrazzja lil folla mfawwra biż-żgħażagħ li ġew minn kull rokna tad-dinja sabiex flimkien jiċċelebraw u jkunu parti minn dan il-ġublew, esperjenza unika li ssir kull 25 sena.

Fl-aħħar taċ-ċelebrazzjoni tħabbret id-data għal-Jum Dinji taż-żgħażagħ li jmiss. Dan ser ikun fis-South Korea mit-3 sat-8 ta’ Awwissu tal-2027. Huwa ħeġġeġ lill-poplu sabiex jimtela b’kuraġġ, hekk kif huwa preċiżament it-tama li hemm fi qlubna li tagħtina s-saħħa sabiex niddikjaraw il-ferħ ta’ Kristu rebbieħ fuq il-ħażen u l-mewt – xi ħaġa li l-pellegrini tat-tama ser ikattru sat-truf id-dinja.

Il-Papa qasam ukoll aħbar traġika hekk kif żewġ żgħażagħ li marru Ruma għall-pellegrinaġġ mietu u oħra tinsab l-isptar.