Numru ta’ Pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu f’Tal-Barrani wara inċident tat-traffiku li seħħ illum għall-ħabta tat-tmienja u kwart ta’ filgħodu.
Il-ħabta seħħet fejn it-traffic lights biswit l-istabbilimenti kummerċjali, qabel tidħol lejn iż-Żejtun.
Mis-stħarriġ preliminari tal-Pulizija rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur Peugeot Tweet misjuq minn raġel ta’ 66 sena residenti Ħaż-Żabbar u mutur Kawazaki misjuq minn mara ta’ 30 sena u tgħix Marsaxlokk.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku, u ambulanza ħadet liż-żewġ sewwieqa l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Aktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.