Ir-Russja, għalissa, ma indikatx li lesta biex tieħu azzjoni militari għad-dikjarazzjoni tal-Istati Uniti rigward il-movimenti ta’ żewġ sottomarini nukleari lejn ‘ir-reġjuni xierqa’….Żvilupp li seħħ wara li l-President Amerikan Donald Trump irreaġġixxa b’rabja għall-kummenti ‘mill-aktar provokattivi’ min-naħa tal-eks-President Russu Dmitry Medvedev ( illum iċ-Chairman tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Federazzjoni Russa).
Intant, Trump irid iwassal ‘messaġġ partikulari ‘ wara li Medvedev kien hedded lill-Istati Uniti talli l-President Amerikan kompla jinsisti bl-ultimatum biex ir-Russja taqbel dwar waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna ‘jekk ma tridx li tkun suġġetta għas-sanzjonijiet ġodda’.
Trump, fl-aħħar sigħat, qal li ‘il-kliem iħallu l-konsgwenzi’ u li hu qed jieħu azzjoni ‘f’każ li l-istqarrijiet inflammatorji (minn Medvedev) huma, fil-fatt, maħsubin biex iwasslu għall-fatti’. Il-President Amerikan, sadanittant, ma semmiex iz-zoni fejn se jkunu stazzjonati s-sottomarini, bħalma jitlob il-protokoll militari tal-Istati Uniti.
Madankollu, wieħed, issa, qed jistenna reazzjoni aktar konkreta min-naħa tar-Russja u meta, fl-aħħar sigħat, ma dehru l-ebda sinjali li Moska tista’ qed tibgħat is-sottomarini nukleari tagħha ‘eqreb l-Istati Uniti’.
Fl-aħħar sigħat, lanqas ma kien hemm stqarrijiet ‘sinifikattivi’ min-naħa tal-Kremlin, il-Ministeru tad-Difiża u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin f’Moska….Sitwazzjoni li tissuġġerixxi li, fuq naħa, ir-Russja għadha qed tanalizza s-sitwazzjoni fost il-possibbiltà li l-Kremlin mhux qed jara l-ħtieġa li jirreaġġixxi għad-diskors ta’ Trump.
L-Istati Uniti u r-Russja t-tnejn għandhom flotta ta’ sottomarini nukleari.
Fl-istess ħin, il-President Amerikan, għalissa, irrefera biss għal ‘sottomarini nukleari’ – u mingħajr ma kkonferma jekk is-sottomarini, fil-fatt, iġorrux l-armamenti nukleari inkella jekk dawn l-inġenji humiex sempliċiment ‘nuclear-powered’.
‘Azzjoni xierqa li tirrifletti wkoll sens ta’ kawtela’
Donald Trump spjega li ‘l-Istati Uniti għandha tqis iċ-ċirkustanzi tat-theddida fil-konfront tagħha waqt li taġixxi b’mod xieraq, iżda fl-istess ħin kawt’.
Hu, sadanittant, iddeċieda dwar l-hekk-imsejjaħ ‘redeployment’ tas-sottomarini biex ‘iħares is-sigurtà tal-poplu Amerikan’ u meta hu ‘qed jieħu bis-serjetà it-theddida min-naħa tal-eks-President tr-Russja’.
Fil-fatt, Donald Trump u Dmitry Medvedev, fl-aħħar jiem, kienu involuti f’sensiela ta’ battibekki fuq il-media soċjali u fejn ma naqsux l-attakki personali fuq xulxin.
U t-tensjoni bejniethom irrankat wara li Trump impona deadline ġdid biex il-President Russu, Vladimir Putin, jikkonkludi l-gwerra tal-Ukrajna sat-8 ta’ Awwissu, u wara aktar minn tlett snin ta’ konflitt qalb it-territorji Ukreni….Deadline li kważi ċert mhux se jkun irrispettat minn Putin.
Min-naħa tiegħu, il-President Trump, fl-aħħar jiem, kien qed jhedded lir-Russja dwar ‘tariffi mill-aktar severi’ għall-produzzjoni taż-żejt u s-setturi għall-esportazzjoni oħrajn minn dan il-pajjiż, jekk kemm-il darba l-Kremlin jippersisti fit-triq tal-gwerra.
//= $special ?>