Il-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed provi sabiex l-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, Jimmy Magro, jitqiegħed taħt att ta’ akkuża fuq allegat frodi u abbuż ta’ fondi Ewropej relatati ma’ żewġ proġetti ffinanzjati mill-UE.
Magro, li ġie mixli x-xahar li għadda, qed jiċħad l-akkużi. Matul is-smigħ, Mark Said, Direttur tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji fi ħdan id-Dipartiment tal-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet (IAID), xehed li fl-2014 id-dipartiment tiegħu rċieva żewġ allegazzjonijiet separati li pprovdew il-bażi għall-investigazzjoni dwar Magro.
L-ewwel allegazzjoni kienet relatata mal-proġett WTD, li rċieva fondi Ewropej u kien jinvolvi l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL). It-tieni allegazzjoni kienet dwar il-proġett Suneagle Life Plus, li wkoll kien proġett ffinanzjat mill-UE.
Said spjega li d-dokumenti miġbura, fosthom fatturi ta’ lukandi u formoli tal-attendenza, intużaw biex jintalbu rifużjonijiet illegittimi fuq is-saħħa ta’ laqgħat li fil-verità kienu laqgħat statutorji u mhux parti mill-proġetti Ewropej. Huwa ddeskriva l-ħolqien ta’ “sitwazzjonijiet artifiċjali” biex jitkabbru r-rifużjonijiet.
F’każ wieħed, rifużjoni ġiet mitluba fuq laqgħa li suppost saret fil-lukanda Dolmen fis-7 ta’ Diċembru 2013, iżda l-attendenza ppreżentata kienet ta’ laqgħa oħra li seħħet sena qabel, fl-10 ta’ Diċembru 2012. L-investigaturi sabu li xi persuni elenkati bħala kunsilliera kienu diġà eletti fil-Parlament jew kienu nbidlu r-rwoli tagħhom – wieħed minnhom anke kien sar ministru.
Daniel Galea, accountant tal-AKL, spjega li l-Assoċjazzjoni rċeviet fondi kemm mingħand sħab barranin tal-proġetti kif ukoll mill-Fond ta’ Ko-finanzjament lokali. Huwa qal li pprepara rapporti finanzjarji u inflows/outflows tal-proġetti sa Diċembru 2015 fuq talba tal-IAID.
Id-difiża insistiet li ma hemm l-ebda każ kontra Magro, iżda l-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, iddeċidiet li l-proċess għandu jkompli u li l-provi jippreżentaw każ prima facie kontra l-akkużat. Sadanittant, l-AKL ressqet applikazzjoni biex tiġi rikonoxxuta bħala parti milquta fil-proċeduri.
Il-każ jerġa’ jinstema’ fis-15 ta’ Settembru. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Rennie Stivala, filwaqt li l-Avukati Michael Sciriha, Franco Debono u Roberto Spiteri qed jiddefendu lil Magro.
//= $special ?>