Is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza tant saret allarmanti li mijiet ta’ uffiċjali tas-sigurtà Iżraeljani, illum irtirati mis-servizz, kitbu lill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump biex jappellaw għall-‘intervent tiegħu’ lejn il-konklużjoni tal-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas.
L-ittra qed tirrappreżenta lil madwar 600 eks-uffiċjal, fosthom eks-kapijiet tal-aġenziji Iżraeljani għas-servizzi sigrieti u li jridu li Trump iwettaq il-pressjoni fuq il-Gvern Iżraeljan biex ma jkomplix bl-offensiva attwali.
L-uffiċjali, permezz tal-ittra, qalu li ‘fl-opinjoni professjonali tagħhom, il-grupp terroristiku Ħamas mgħadux jimponi theddida strateġika għal Iżrael’.
Huma, fl-istess ħin, jemmnu fil-kapaċitajiet tal-President Amerikan biex jipperswadi lill-Prim Ministru Iżraeljan,Benjamin Netanyahu, ħalli jasal għad-‘deċiżjoni xierqa’ fiċ-ċirkustanzi.
L-ittra ntemmet bis-sentenza: ‘Waqqfu din il-gwerra… ippermettu għar-ritorn tal-ostaġġi Iżraeljani u tħallux il-kalvarju jkompli għall-Palestinjani ta’ Gaza’.
Madankollu, l-aħħar rapporti indikaw li l-Prim Ministru Netanyahu qed jaħseb biex isaħħaħ il-kampanja militari f’Gaza wara li ma waslu mkien l-aħħar taħditiet indiretti għal waqfien mill-ġlied bejn ir-rappreżentanti tiegħu u d-delegazzjonijiet tal-Ħamas.
L-intervent ta’ dawn l-eks-uffiċjali, sadanittant, seħħ ftit wara li bdew jiċċirkulaw il-filmati ta’ żewġ eks-ostaġġi Iżraeljani li nħelsu fi tmiem il-ġimgħa mill-Ħamas u l-militanti tal-Ġiħad Iżlamiku….L-ostaġġi, bħalissa, huma rikoverati minħabba li jinsabu fi stat fiżiku ħażin ħafna.
Iżrael daħal fil-gwerra mal-Ħamas wara li t-terroristi, f’Ottubru tal-2023, qasmu lejn l-artijiet Iżraeljani fejn immassakraw il-mijiet tan-nies, fil-parti kbira nett ċivili.
Fl-attakk inħatfu wkoll viċin it-300 ostaġġ Iżraeljani u bil-qawwiet ta’ Iżrael, sallum, joqtlu ‘il fuq minn 60,000 Palestinjan – terroristi u ċivili — waqt il-kampanja militari.
Ir-rapporti tallum minn Gaza ikkonfermaw il-qtil, f’anqas minn 24 siegħa, ta’ madwar 100 Palestinjan – li l-maġġoranza tagħhom sfaw vittma tal-qawwiet tal-ajru Iżraeljani.
Numru ta’ sorsi qalu li numru sinifikanti ta’ dawn il-Palestinjani nqatlu waqt li kienu qed jistennew għall-ikel, għalkemm dan ma setax ikun ivverifikat mill-osservaturi indipendenti.
In-nuqqas akut ta’ ikel u mezzi oħra ta’ għajnuna għall-Palestinjani ta’ Gaza qed iżidu l-kriżi umanitarja għal dan il-poplu – bl-awtoritajiet fit-territorju jsostnu li talanqas 200 ( nofshom tfal) spiċċaw imutu mill-effetti tal-malnutriżmu sa mill-bidu tal-gwerra.
Dan waqt li l-aġenziji appoġġjati min-Nazzjonijiet Uniti qalu li bħalissa, fil-Medda ta’ Gaza, qed jiżvolġi ‘l-agħar xenarju tal-ġuħ’ għall-Palestinjani kollha.
//= $special ?>