Local Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Ħatja unanimament li qatlet lis-sieħeb tagħha fil-Mellieħa… is-sentenza nhar il-Ħamis li ġej

Mayumi Santos Patacsil, ċittadina Filippina ta’ 48 sena, instabet ħatja unanimament (9-0) li erba’ snin ilu qatlet lis-sieħeb tagħha Marcelino Montalban Saraza ta’ 44 sena, li huwa wkoll ta’ nazzjonalità Filippina. Il-mara użat żewġ skieken waqt id-delitt, b’daqqa minnhom tkun dik fatali li nifdet il-qalb u messet il-fwied tal-vittma.

Hija nstabet ħatja b’sebgħa voti kontra tnejn tat-tieni akkuża li tgħid li Mayumi Santos Patacsil għamlet rapport ta’ vjolenza domestika u kien biss wara li għadda ħafna ħin, madwar siegħa u nofs, li semmiet li kienet intużat sikkina. Illi s-sejba ta’ katavru rriżultat biss wara li kien mar is-Surġent Joseph Attard fuq il-post u sab il-ġisem bla ħajja ta’ Marcelino Montalban Saraza.

Għaldaqstant, iddenunzjat reat li taf li ma sarx meta marret tagħmel rapport ta’ vjolenza domestika fittizju. Għalhekk b’għemilha l-akkużata saret ħatja li marret tagħmel rapport ta’ vjolenza domestika fittizju. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera se tkun qed tagħti s-sentenza nhar il-Ħamis li ġej fid-9am.

Il-ġurati daħlu jiddeliberaw ftit qabel is-1pm. u wara biss sagħtejn infurmaw lill-Qorti li kienu ħadu deċiżjoni. Aktar qabel l-Imħallef spjegat lill-ġurati s-sistema legali kif taħdem u x’għandhom iqisu jew iwarrbu biex jaslu għall-verdett, li huwa biss f’idejhom. Qaltilhom li għandhom jiddeċiedu fuq dak li semgħu biss fl-awla, jiġifieri mill-provi li kellhom quddiemhom.

Nhar is-Sibt l-Imħallef Scerri Herrera bdiet l-indirizz tagħha li temmet it-Tnejn. Qabilha, saru l-punti minn naħa tad-difiża u l-prosekuzzjoni. Id-difiża saħqet li l-mara kienet vittma ta’ vjolenza domestika u li l-vittma dakinhar kien hu li qabad is-sikkina l-ewwel u li ried li jkollu x’jaqsam magħha sesswalment, xi ħaġa li hi spjegat fid-dettal meta ddeċidiet li tixhed waqt il-ġuri.

Minn naħa tagħha l-prosekuzzjoni warrbet dan l-argument u qalet li meta kienet interrogata fid-depot ftit tal-jiem wara l-omiċidju, ma wieġbet kważi għal xejn u ma semmietx dan il-fatt, xi ħaġa li hi ħarġet erba’ snin wara.

L-ewwel Kap ta’ akkuża kien jgħid li fil-lejl ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Lulju tas-sena 2021, fi Triq il-Fortizza, fis-salott u fil-kċina ta’ din ir-residenza, Mayumi Santos Patacsil, bil-ħsieb li toqtol jew li tqiegħed il-ħajja tagħha f’periklu ċar, ikkaġunat il-mewt b’daqqa ta’ sikkina fil-parti t’isfel tan-naħa tal-lemin tas-sider tal-vittma.

Din id-daqqa kienet b’saħħitha biżżejjed li ppenetrat il-kavita tas-sider, ikkaġunat ferita fonda liema ferita ppenetrat il-fwied u kkaġunat emoraġija estensiva bil-konsegwenza li l-vittma Marcelino Montalban
Saraza miet fuq il-post ftit tal-ħin wara, kaġun ta’ din il-ferita.

Esperti mediko-legali ikkonkludew li l-vittma miet minħabba ‘hypovolemic shock’ (direttament ikkawżata mill-‘stab wound’ li l-istess akkużata tat f’sider il-vittma), iżda l-mewt ma kenitx waħda istantanea u l-vittma miet ftit tal-ħin wara fuq il-post sakemm dan żvina.

L-akkuża tgħid ukoll li ftit tal-ħin wara li Mayumi Santos Patacsil tat daqqa ta’ sikkina li nifdet is-sider tal-vittma, hija għamlet ferita oħra fuq in-naħa tal-lemin tal-għonq tal-istess vittma fejn pruvat tħanxarlu għonqu u kkaġunat inċiżjoni iktar twila milli fonda b’permezz ta’ sikkina oħra u ċioè mhux bl-istess sikkina li biha nifdet is-sider tal-vittma u kkaġunatlu l-mewt.

Mill-eżamijiet forensiċi rriżulta li din il-ferità kkanġunata f’għonq il-vittma, kienet saret f’għonqu meta huwa kien diġà miet kaġun tad-daqqa ta’ sikkina li nifdet is-sider tal-istess vittma u ppenetrat il-fwied. Ftit tal-ħin wara li l-akkuzata kienet qatlet lil Marcelino Montalban Saraza, hija marret għamlet rapport fil-Gender Based and Domestic Violence Unit tal-Pulizija fejn irrapurtat illi f’xi ħin qabel nofsillejl hi kellha argument mal-partner tagħha, u li ntużat sikkina f’dan l-argument.

Il-prosekuzzjoni dejjem argumentat li Mayumi Santos Patacsil għamlet rapport mal-Pulizija ta’ vjolenza domestika fejn qalet li hi kienet vittma filwaqt li għaddiet madwar siegħa u nofs sakemm semmiet li kienet intużat arma waqt dan l-argument.

Hi qaltilhom ukoll li dan l-argument kien seħħ fl-appartament fejn kienu jirrisjedu t-tnejn li huma flimkien. Illi għalhekk fuq din l-informazzioni, uffiċjal tal-Pulizija, is-Surġent Joseph Attard mar fuq il-post fejn aċċeda fir-residenza fil-Mellieħa fejn sab xena makabra ferm quddiemu.

Il-Pulizija fil-fatt sabet katavru mixħut fl-art, mgħotti b’kutra ħamra iċċirkondat b’tiċpis tad-dmija. Ma’ din is-sejba l-post ġie magħluq u preservat, anke permezz ta’ uffiċjal tal-Pulizija li tħalla fixed-point ta’ 24 siegħa mal-post imsemmi.

Irriżulta waqt l-investigazzonijiet li l-katavru kien ta’ Marcelino Montalban Saraza, il-partner ta’ Mayumi Santos Patacsil, mill-ewwel deher li kellu ferita kbira fin-naħa tal-lemin ta’ sidru u kellu wkoll ferita twila f’għonqu.

Illi waqt li kienu qedgħin jsiru investigazzionijiet fir-residenza, l-akkużata kienet għadha fil-Gender Based and Domestic Violence Unit fejn sussegwentement ġiet infurmata li qed tinżamm taħt arrest fuq suspettat qtil tal-partner tagħha.

Fl-investigazzionijiet tal-Pulizija rriżulta wkoll li Mayumi Santos Patacsil telqet mir-residenza b’bagalja kbira wara li kienet qatlet lil Marcelino Montalban Saraza u marret għand koppja Filippina oħra bl-ismijiet ta’ Marlon Ranada Bautista u Mariam Capina Castillo. Iżda dawn ħassewhom skomdi ħafna u rrifjutaw li jħallu lill-akkużata Mayumi Santos Patacsil torqod hemm dak il-lejl.

Fil-fatt Mariam Capina Castillo kienet ikkonfermat li Mayumi Santos Patacsil kienet qaltilhom li kellha argument kbir ma’ Marcelino u li tatu daqqa ta’ sikkina u li hi ħasbet li kienet segħtet qatlitu. Mill-investigazzjonijiet li kompliet twettaq il-Pulizija rriżulta li Mayumi Santos Patacsil kellha ossessjoni kbira fuq il-partner tagħha.

Hi kienet tibgħat lil nies oħra messaġġi u telefonati li t-tonalità tagħhom dejjem kien wieħed konfrontali, iddisprati u ossessjonat, bl-akkużata ssegwi l-passi tal-partner tagħha għax hi bdiet tossessjona ruħha dwar il-possibbiltà li l-partner tagħha kien qed ikun ma’ nisa oħra u allura kienet tibgħat lil nies oħra sabiex tiċċekkja, il-ħin kollu fejn kien ikun Marcelino Montalban Saraza u xi jkun qed jagħmel.

Anke il-ġirien tal-akkużata stess ikkonfermaw illi ta’ spiss kienu jisimgħu lil Mayumi Santos Patacsil tiġġieled mal-partner tagħha filwaqt li l-ġirien tagħhom stess iddiskrivewh bħala raġel kwiet, fejn hi kienet takkużah li kien qed ikollu relazzjonijiet ma nisa oħra.

Il-prosekuzzjoni qed tmexxiet mill-Avukati Kaylie Bonnett u Etienne Savona mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-Filippini dehru l-Avukati Simon Micallef Stafrace u Julia Micallef Stafrace. Il-każ kien investigat mis-Supretendent Godwin Scerri u l-Ispettur Shaun Pawney.