Albert Buttigieg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fil-Parlament li l-gvern qed jinħeba wara kawżi ġenwini dwar nuqas ta’ ħlas tat-taxxa biex ipaxxi lil tal-qalba.
Hu tkellem dwar il-moralitá fiskali u qal li matul is-snin, pajjiżna għamel passi ‘l quddiem biex jiġbor dak li huwa dovut lil Cesare. Imma xorta hemm min iħossu speċjali li ma jagħmilx dan; dawn mhumiex ftit.
Jirriżulta li hemm ‘il fuq minn €1 biljun ta’ ħlasijiet imma wkoll €4.8 biljun ta’ VAT mhumiex imħallsa. Il-ministru responabbli stqarr ukoll li 60% ta’ dawn l-ammonti huma dovuti minn numru ta’ negozjanti aktar milli ta’ ċittadini komuni.
Għalkemm huwa tajjeb li nagħmlu dan għaliex tajjeb li nagħtu l-appoġġ li min huwa fin-negozju, imma fl-istess waqt rridu noqogħdu attenti li ma nwasslux il-messaġġ żbaljat liċ-ċittadini li wieħed jista’ ma jħallas taxxa jew li l-ħlas taxxa huwa donnha optional, jiġifieri wieħed jista’ jaqa’ lura għaliex jaf li hemm min jaħfirlu.
Hu qal li trid issir distinzjoni bejn każijiet ġenwini u dawk li mhumiex. Imma jekk verament irridu ngħinu lil min huwa ġenwin, kien ikun aħjar li kieku s-sistema ta’ repayments titwal aktar.
B’hekk il-messaġġ jibqa’ xorta li l-evazjoni tax-taxxa mhuwiex aċċettabbli filwaqt hemm appoġġ lil min huwa ġenwin.
Imma donnu l-Gvern b’dan l-abbozz qiegħed juża stejjer ġenwini imma warajhom hemm oħrajn li mhumiex. Hekk ġara fil-kaz ta’ serq tad-dawl mill-meters fejn il-gvern ħareġ skemi biex jaħfirlhom filwaqt li kull ċittadin irid iħallas kull kont tad-dawl. Hekk ġara fil-każ ta’ serq tal-benefiċċji soċjali u fil-każ ta’ min kellu tigri u ljuni u annimali esotiċi oħra.
Hekk bi ħsiebu jagħmel bl-abbozz fuq l-iżvilupp u l-ippjannar fejn qed jipproponi li min bena b’mod illegali bħal bnew binjiet sħaħ illegali, il-Gvern irid jagħtihom maħfra. Il-Gvern qed isaħħaħ il-mentalità u l-kultura li kollox jgħodd u kollox jgħaddi.
Iċ-ċittadin onest quddiem iħoss li donnu mhux valutat li wieħed iħallas fil-ħin u dak li huwa dovut lilu.
Albert Buttigieg qal li filwaqt li tajjeb li l-Gvern qiegħed jipprova jsaħħaħ l-infurzar fil-ġlieda kontra l-evazjoni tat-taxxa imma jekk verament irid jagħmel dan huwa għandu jagħmel distinzjoni bejn każi ġenwini u dawk li mhumiex.
Dawk li huma ġenwini għandom jingħataw l-għajnuna u termini aħjar ta’ ħlasijiet filwaqt li dawk li qegħdin jevadu b’mod sistematiku t-taxxa, il-Gvern juri fermezza u dixxiplina.
Il-gvern ma jistax ikun ‘strong with the weak and weak with the strong’. B’dan l-abbozz, il-Gvern qiegħed jipprempja lil min naqas minn dmiru b’mod sfaċċat, fejn saħansitra persuni li tressqu l-Qorti għandhom iċ-ċans li jixtru l-‘innoċenza’ tagħhom u jwaqqgħu l-każ tagħhom jekk huma jħallsu penali.
Il-Gvern għandu jieqaf jinħeba wara każijiet ġenwini biex ipaxxi lil tal-qalba u kulħadd jaf min huma tal-qalba, sostna d-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg.
//= $special ?>