Wara li fl-aħħar ġimgħat kellna diversi inċidenti li tefgħu dawl fuq in-nuqqas ta’ sigurtà fit-toroq u fl-ibħra tagħna li qajmu tħassib dwar in-nuqqas kbir ta’ infurzar u riżorsi, fl-aħħar sigħat kellna aħbar li issa qed iżżid ukoll it-tħassib dwar in-nuqqasijiet fl-infurzar fil-protokolli ta’ sigurtà tal-linja nazzjonali tal-ajru.
Artiklu ta’ Newsbook qal li għaddejja investigazzjoni wara allegazzjonijiet dwar żewġ membri tal-ekwipaġġ ta’ KM Malta Airlines li tħallew joperaw titjira wara li fallew testijiet tal-alkoħol u d-drogi qabel telaq l-ajruplan.
Dawn l-allegazzjonijiet jirrappreżentaw riskju serju u inaċċettabbli għas-sigurtà tal-passiġġieri, u daqqa ta’ ħarta kbira għar-reputazzjoni tal-industrija Maltija tal-avjazzjoni.
Dan ir-rapport iqajjem mistoqsijiet importanti dwar kif u meta qed jiġu infurzati l-proċeduri li hemm fis-seħħ biex jiġu evitati inċidenti bħal dawn. Iqajjem ukoll mistoqsijiet dwar x’azzjonijiet ħadet il-linja tal-ajru u l-awtoritajiet regolatorji wara dan l-inċident.
Fi stqarrija Mark Anthony Sammut ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà, Mario de Marco ix-Shadow Minister għat-Turiżmu u Ivan Castillo ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja sostnew li l-Gvern u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi għandhom minnufih iserrħu moħħ in-nies dwar dak li qed jiġri meta għandhom fuq ħoġorhom allegazzjonijiet serji dwar abbużi u negliġenza li setgħu kellhom konsegwenzi gravi.
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jistaqsi:
• Jista’ l-Ministru għat-Trasport jikkonferma jekk hemmx investigazzjoni għaddejja dwar l-allegat inċident tas-16 ta’ April, fejn żewġ membri tal-ekwipaġġ tal-kabina allegatament irriżultaw pożittivi għall-alkoħol u d-drogi qabel titjira?
• X’inhuma l-proċeduri stabbiliti għat-testijiet tal-alkoħol u d-drogi qabel it-titjiriet għall-ekwipaġġ kollu tal-KM Malta Airline? Għat-titjira tas-16 ta’ April Malta-Milan-Ruma-Malta ġew segwiti dawn il-proċeduri?
• Għaliex iż-żewġ membri tal-ekwipaġġ inkwistjoni allegatament tħallew joperaw it-titjira meta l-protokolli standard tas-sigurtà fl-avjazzjoni jobbligaw it-tneħħija immedjata mis-servizz ta’ kwalunkwe membru tal-ekwipaġġ li ma jgħaddix minn test bħal dan?
• Il-kaptan tat-titjira kien infurmat bir-riżultati pożittivi tat-test qabel it-tluq? Jekk le, għaliex ma kienx infurmat?
• Kienu infurmati s-Safety Manager u n-Nominated Person for Flight Operations tal-KM Malta Airlines? U jekk kienu, x’għamlu dwar dan?
• Hemm xi Service Level Agreement mal-persuna jew istituzzjoni medika li twettaq testijiet bħal dawn biex ikun żgurat li l-protokolli qed jiġu segwiti?
• X’azzjoni ttieħdet dwar il-membri tal-ekwipaġġ u kontra kwalunkwe membru tal-management jew staff li ppermetta lill-membri taħt l-effett tad-droga jew alkolħol li joperaw it-titjira?
• X’azzjoni ħadet Transport Malta, bħala l-awtorità kompetenti, quddiem dan ir-rapport ta’ nuqqas ta’ sigurtà?
• Għaliex kemm il-KM Malta Airlines kif ukoll Transport Malta naqsu li jwieġbu għall-mistoqsijiet tal-media dwar din il-kwistjoni serja?
• Jistgħu l-Gvern u l-linja tal-ajru jikkonfermaw ir-rapporti li t-testijiet każwali (random tests) għad-droga u l-alkoħol lill-membri tal-ekwipaġġ ġew sospiżi? Jekk dawn ir-rapport huma kkonfermati, x’inhi l-ġustifikazzjoni li l-membri tal-ekwipaġġ jitħallew joperaw it-titjira bi ksur tal-protokolli internazzjonali għas-sigurtà?
• X’passi immedjati qed jittieħdu li jserrħu ras il-pubbliku li l-miżuri kollha meħtieġa huma fis-seħħ biex kull titjira tal-KM Malta Airlines tkun sigura u li nuqqas daqshekk serju fis-sigurtà ma jerġax iseħħ?
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern u lill-awtoritajiet tat-trasport biex ma jilagħbux aktar bis-sigurtà tal-Maltin u l-Għawdxin, filwaqt li jiżguraw li kulħadd ikun jista’ jivvjaġġja b’moħħu mistrieħ fuq l-art, fuq il-baħar u fl-ajru.
//= $special ?>