Internazzjonali

Ir-Russja: L-ewwel żbroff ta’ vulkan f’aktar minn 500 sena jista’ hu biss il-bidu tal-attività siżmika

Il-vulkanoloġisti jemmnu li l-iżbroff  — l-ewwel għal aktar minn 500 sena – ta’ vulkan fir-Russja kapaċi jkun biss il-bidu ta’ sensiela ta’ attività siżmika f’reġjun lejn il-Lvant tal-pajjiż.

Intant, l-esperti jemmnu wkoll li l-iżbroff  ta’ tmiem il-ġimgħa, x’aktarx li hu relatat mat-terremot kbir tal-ġimgħa l-oħra fir-Russja.

Fl-iżbroff  ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd il-vulkan ta’ Krasheninnikov, f’Kamchatka, bewweġ id-dħaħen tal-ġmied f’għoli ta’ aktar minn sitt kilometri….Madankollu, il-Ministeru Russu għal-Emerġenzi sostna li ma kien hemm l-ebda theddid immedjat għaz-zoni tar-residenti fil-madwar.

Iżda – sigħat biss wara l-iżbroff  — ir-Russja ntlaqtet minn terremot ieħor qawwi li wassal għat-twissijiet dwar it-tsunami għal tlett zoni partikulari tal-Penisola.

Hemm kull possibbiltà, intant, li l-iżbroff tal-vulkan u t-terremot tal-Ħadd huma relatati mat-terremot ‘kważi storiku’ tal-ġimgħa l-oħra fir-Russja li kien irreġistra 8.8 fuq l-Iskala Richter.

It-terremot inkwistjoni kien qanqal it-twissijiet dwar it-tsunami (mewġ tal-baħar enormi) tul medda ta’ territorju u sa artijiet imbiegħda bħaċ-Ċile u l-Polineżja Franċiża.

Għaldaqstant, il-jiem li jmiss kapaċi jkunu karatterizzati mill-iżbroffi ġodda mill-vulkan ta’ Krasheninnikov li kien ilu ‘rieqed’ għall-mijiet tas-snin u bl-awtoritajiet f’Kamchatka qed isegwu kontinwament is-sitwazzjoni.