Futbol Sport

“Jekk inkunu iżjed determinanti quddiem il-lasta, kapaċi nagħmlu l-istorja” – Giacomo Modica, kowċ Ħamrun Spartans

(Ritratt: Joseph Galea)

Neil Camenzuli

Ħamrun Spartans b’ċans li jagħmlu l-istorja għal darb’oħra. Għada l-Ispartans jilagħbu fit-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Europa League kontra Maccabi Tel Aviv mill-Iżrael. Il-partita tintlagħab fis-7pm fit-Tony Bezzina Stadium.

Ħamrun Spartans, iċ-champions tal-ewwel edizzjoni tat-360Sports Premier Malta, bdew il-mixja Ewropea tagħhom dan l-istaġun fil-UEFA Champions League bħala ċ-champions ta’ Malta, fejn hemm irnexxielhom jgħaddu mill-ewwel rawnd wara li għelbu lil Zalgiris permezz tal-għoti tal-penalties. Fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni, l-Ispartans affrotnaw il-forza Ukrena Dynamo Kiev, u sfortunatament ma rnexxielhomx javvanzaw minn dak ir-rawnd wara telfa ta’ 6-0 fuq żewġ partiti.

Ħamrun tilfu kontra Dynamo Kiev fit-tieni rawnd ta’ Kwalifikazzjoni għall-UCL (Ritratt: Joseph Galea)

It-telfa kontra Dynamo Kiev tfisser li Ħamrun Spartans ikkwalifikaw għat-tielet rawnd tal-UEFA Europa League, fejn hemm se jkunu qed jaffrontaw liċ-champions ta’ Iżrael, Maccabi Tel Aviv.

Maccabi Tel Aviv is-sena l-oħra mhux biss temmew fl-ewwel post tal-Premier League, iżda anke rebħu s-Super Cup u t-Toto Cup. Huma kkompetew fil-UEFA Europa League fejn waslu biss sal-fażi tal-kampjonat.

Tajjeb li wieħed jinnota, li jekk Ħamrun Spartans jirnexxielhom jegħlbu lil Maccabi u jgħaddu għar-raba’ rawnd ta’ kwalifikazzjoni, huma se jkunu qed jaffrontaw it-tellief tal-logħba tal-UCL bejn Dynamo Kiev, it-tim li elimina lill-Ispartans fir-rawnd preċedenti, jew lil Pafos, it-tim li għeleb lil Maccabi Tel Aviv fir-rawnd preċedenti. Pafos, tim minn Ċipru, it-Tnejn ħabbar l-akkwist tal-eks difensur Internazzjonali Brażiljan David Luiz, eks plejer ta’ PSG, Chelsea, Arsneal u Benfica, fost l-oħrajn.

Jekk Ħamrun Spartans jiġu eliminati minn dan ir-rawnd, huma jiġu retroċessi għall-UEFA Conference League, fejn fir-raba’ rawnd ta’ kwalifikazzjoni huma se jaffrontaw lit-tellief mill-partita tal-UEL bejn FC RFS u KuPs Kuopio.

It-Tnejn filgħaxija, il-kowċ Giacomo Modica, flimkien mal-akkwist il-ġdid Ante Coric poġġew quddiem il-ġurnalisti għall-konferenza li ssir 24 siegħa qabel il-partita. It-Tnejn, Ħamrun Spartans ukoll kellhom l-aħħar sessjoni tat-taħriġ qabel il-partita storika ta’ għada.

L-aħħar sessjoni tat-taħriġ għall-Ispartans qabel il-konfront storiku kontra Maccabi Tel Aviv (Ritratt: Joseph Galea)

Mistoqsi fuq il-partita kontra Dynamo Kiev, Modica kkumenta fuq kif id-diskrepanza fil-kwalità bejn l-Ukreni u l-Maltin m’hijiex skuża għall-prestazzjoni diżappuntanti, u qiegħed jittama li s-sitwazzjoni tkun kompletament differenti kontra Maccabi Tel Aviv, li skont Modica huwa tim b’saħħtu u ta’ livell iżjed għoli minn Ħamrun, pero jemmen li l-Ispartans ippreparaw sew matul dawn l-aħħar ġranet għal dan il-konfront kruċjali.

Jitkellem iżjed fuq il-partita t’għada, Modica qal li kollox jiddependi mill-plejers tiegħu, u mhux mill-avversarju. Dan juri ċertu sens ta’ kunfidenza mill-kowċ Taljan, fejn qiegħed jindika li jekk it-tim ikun determinat li jirbaħ, kapaċi jagħmel dan.

Mistoqsi fuq l-element tattiku li l-kowċ mistenni jieħu lejn dan il-konfront, speċifikament jekk se jkun hemm xi tibdil ta’ plejers jew irwoli mill-partiti preċedenti, Modica rrisponda li minħabba xi nuqqasijiet li għandu ħabba injuries u sospensonijiet, huwa daqxejn limitat kemm jista’ jalterna l-iskwadra tiegħu. Modica daħal fid-dettal anke’ fuq it-tattika tat-tim, huwa qal li jrid jara l-logħob iżjed mgħaġġel, b’ċertu ritmu u kattiverja quddiem il-lasta, fejn kompla jgħid li l-ballun jixtiequ jasal iżjed malajr fejn ix-xibka tal-avversarji, u meta jasal, importanti li ċ-ċansis jittieħdu bl-iżjed preċiżjoni possibli.

“Kapaċi nagħmlu l-istorja” – Giacomo Modica (Ritratt: Ħamrun Spartans)

Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll l-akkwist il-ġdid Ante Coric, eks plejer ta’ Roma. Il-midfielder Kroat kien mistoqsi fuq il-motivazzjoni li għandu għal din il-partita, u x’kienet ir-raġuni li ngħaqad ma’ Ħamrun Spartans. Coric irrisponda li Ħamrun Spartans huwa klabb professjonali, u jemmen li l-esperjenza li għandu f’diversi kampjonati fl-Ewropa se jkunu ta’ għajnuna għal Ħamrun biex jilħqu t-tragwardi li jixtiequ.

Ante Coric iffirma ma’ Ħamrun Spartans il-ġimgħa l-oħra, u mistenni jagħmel id-debutt tiegħu fil-partita t’għada kontra Maccabi Tel Aviv ( Ritratt: Joseph Galea)