Lokali Sport

Kritika mid-dilettanti tar-Regatta għan-nuqqas ta’ rispett u ebda infurzar biex tkun protetta ħajjet il-qaddiefa

Il-klabb tal-Isla hu wieħed mid-distretti parteċipanti fl-edizzjoni li jmiss tar-Regatta ta' Jum il-Vitorja.
Il-klabb tal-Isla hu wieħed mid-distretti parteċipanti fl-edizzjoni li jmiss tar-Regatta ta' Jum il-Vitorja.

Hekk kif ninsabu kważi xahar ‘il bogħod mir-Regatta annwali ta’ ‘Jum il-Vitorja’, Net News hu infurmat li bosta klabbs li se jkunu qed jipparteċipaw għar-rebħ tax-Xhield, nhar it-8 ta’ Settembru li ġej, preżentament qed iħabtu wiċċhom ma’ diversi problemi li qed itappnu s-sessjonijiet ta’ taħriġ li jsiru ta’ kuljum. Fl-aħħar jiem, kienu bosta dawk involuti u li jirrappreżenta kabbs differenti tar-Regatta, li tkellmu magħna sabiex jespirmu l-frustrazzjoni tagħhom lejn id-diversi problemi li qed jibqgħu jiġu injorati mill-awtoritajiet lokali.

Dawn il-problemi qed ikollhom impatt mhux ftit biex il-klabbs parteċipanti jħejju kif mixtieq, ftit ġimgħat biss ‘il bogħod mit-8 ta’ Settembru li ġej. Wieħed mill-qaddiefa stabbiliti f’pajjiżna, u li tkellem magħna b’kundizzjoni li ismu jibqa’ anonimu, qalilna li “ma tgħaddix ġurnata f’dawn il-jiem ta’ preparazzjoni li ma nsibux ostaklu x’negħlbu. Kieku l-awtoritajiet responsabbli jagħmlu xogħolhom kif suppost, kieku nitħarrġu mingħajr xkiel u mhux dejjem b’xi biżgħa li se tiġri xi traġedja.”

Fl-aħħar sigħat, l-Eks President tal-klabb tal-Isla, Charmaine Gerada, kitbet fuq il-midja soċjali biex tesprimi r-rabja tagħha, f’isem id-dilettanti kollha tar-Regatta, għal dak li qed jiġri u li f’dan l-istadju qed jinkwieta lil kulħadd.

“Bla kliem żejjed – Irridu risposta u azzjoni Issa! Għażilt li nikteb dan kollu fuq il-midja soċjali sforz ir-rabja kbira u l-frustrazzjoni li ilha tikber minn sena għal oħra. It-taħriġ tar-Regatta Nazzjonali mhux qed jiġi rrispettat, u Transport Malta għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għal dan in-nuqqas ta’ infurzar serju,” qalet Gerda, b’kitba ta’ persuna li b’mod ċar, issa qed tħossha bil-wisq diżappuntanta  b’dak li qed jgħaddu minnhu dawk li għandhom sehem dirett fil-preparazzjoni tat-tiġrijiet tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja.

Gerada, li fil-passat bħala President tal-Isla, mexxiet lill-klabb tagħha għall-ogħla suċċessi, żidet tigħid li l-vapuri, laneċ u speed boats, “qed jidħlu fil-Port mingħajr ebda rispett għal-limiti tal-veloċità u għal dawk l-individwi li jkunu għaddejin bit-taħriġ tal-ogħla livell. Dan kollu mhux biss qed ifixkel il-ħidma fil-preparazzjoni u t-taħriġ tal-qaddiefa dedikati tagħna, imma fl-istess waqt qed ipoġġi ħajjet il-qaddiefa u tat-tfal iż-żgħar tagħna, li jkunu qed jitħarrġu wkoll, f’riskju reali.”

Gerada, li hija meqjusa bħala waħda mill-ammistraturi ta’ esperjenza f’din id-dixxiplina sportiva, tisħaq li sfortunatament din is-sitwazzjoni inkwetanti ilha għaddejha ta’ kuljum “mingħajr qatt ma tittieħed azzjoni konkreta minn min suppost jara li dawn l-affarijiet ma jsirux.”

Fid-dawl ta’ dan il-fatt, Gerada tistaqsi mistoqsija leġittima, “għaliex m’hemmx kontabbiltá? Għaliex l-awtoritajiet qed jagħżlu li jagħlqu għajnejhom?”.

Fl-isfond ta’ din is-sitwazzjoni bil-wisq skomda, Gerada ma waqfitx hawn, iżda temmet il-kumment tagħha fuq il-midja soċjali, b’numru ta’ suġġerimenti li fl-immedjat, skont hi, għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti biex nuqqasijiet ta’ dawn it-tip ikunu indirizzati, fl-aħjar interess ta’ kulħadd.

“Hemm bżonn ta’ 1. Infurzar immedjat li jirregola l-massimu tal-veloċitá fil-Port, speċjalment matul il-ħinijiet ta’ taħriġ; 2. Preżenza aktar viżibbli ta’ uffiċjali minn Transport Malta fil-ħinijiet li jkun qed isir it-taħriġ’ u 3. Kampanja edukattiva u twissijiet lill-pubbliku fuq ir-regolamenti marittimi fiz-zoni fejn isir dan it-taħriġ sportiv.”

Għal dan il-post miktub minn Gerada, kienu bosta, partikolarment dawk dilettanti tar-Regatta, li wrew il-qbil tagħhom lejn dak kollu li kitbet l-Eks President tal-klabb tar-Regatta tal-Isla.

Anzi saħansitra kien hemm min ken aktar aħrax fil-kritika tiegħu u mhux biss kompla jżid mar-rabja ta’ Gerada, iżda saħaq li “jeħtieġ azzjoni immedjata qabel ma ssir xi traġedja, għaliex imbagħad ikun inutli u tard wisq biex naraw irjus kbar li jiġu jippużaw. Bl-istess mod, ikun tard wisq biex noqogħdu nagħmlu l-inkjesti, għalhekk sal-lum għadna nirringrazzjaw ‘l Alla li għadu ma kellna ebda incident fatali. Għadna fil-waqt li nieħdu azzjoni u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jaġixxu kif suppost, biex nevitaw traġedja, iżda jeħtieġ li naġixxu mal-ewwel.”

L-aħħar messaġġ ta’ Gerada tfakkar kif id-dixxiplina sportiva tar-Regatta “hija parti mill-kultura tagħna, għaldaqstant għandna nagħmlu dak kollu li hu possibbli biex nipproteġu ħajjet kull persuna.”