Jerome Caruana Cilia, PN
“Pajjiżna għandu l-kapaċità u r-riżorsi biex ikompli jibni suċċess – imma rridu nżommuh mibni fuq il-governanza, il-kompetenza u l-ambizzjoni”. Saħaq dan ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, Jerome Caruana Cilia waqt dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda Liġijiet Varji li għandhom x’jaqsmu mas-Servizzi Finanzjarji.
Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia indirizza b’mod estensiv l-importanza strateġika tas-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta, waqt li enfasizza r-rwol dejjem jikber tat-trusts fl-iżvilupp ekonomiku u l-corporate governance. Huwa fakkar kif dan is-settur ġie mibni fuq sisien imwaqqfa minn amministrazzjonijiet Nazzjonalisti u llum jirrappreżenta 8.2% tal-Gross Value Added ta’ Malta, b’aktar minn 14,700 individwi impjegati direttament.
Caruana Cilia wissa li l-qasam finanzjarju qed jiffaċċja sfidi sinifikanti relatati ma’ bidliet regolatorji, l-użu dejjem aktar mifrux tat-teknoloġija u aspettattivi ġodda mill-konsumaturi. Fost dawn, semma r-regolamenti bħal MiCA u DORA, kif ukoll ziediet fl-użu tal-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain u l-big data. “Il-bidla mhix kapriċċ, hija neċessità,” qal, filwaqt li saħaq fuq l-importanza li Malta żżomm il-kompetittività tagħha b’reputazzjoni soda u governanza tajba.
F’kummenti dwar is-settur tat-trusts, Caruana Cilia qal li f’Malta hawn madwar 150 trustee jew kumpanija relatata, li jmexxu servizzi relatati ma’ ġestjoni tal-assi u strutturi ta’ family office. Il-qafas legali Malti jipprovdi stabbiltà u flessibbiltà, u joffri potenzjal kbir ta’ tkabbir.
Il-Liġi li kienet qed tiġi diskussa fil-Parlament tinkludi diversi emendi maħsuba biex jallinjaw lil Malta mal-qafas regolatorju tal-UE u mal-aqwa prattiċi internazzjonali. Fosthom hemm emendi għall-Att dwar it-Trusts and Trustees biex tingħata aktar setgħa lill-MFSA f’reġistrazzjonijiet għal family trusts, kif ukoll żieda fil-multi għal fornituri ta’ servizzi tal-kumpaniji mingħajr liċenzja, li issa tista’ tilħaq €150,000.
Il-liġi tinkludi wkoll l-implimentazzjoni tar-Regolament Ewropew ESAP, li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni finanzjarja, u bidliet relatati mal-MiFID u x-Shareholder Rights Directive biex titjieb it-trasparenza u l-integrità tas-suq.
Id-Deputat Nazzjonalista Caruana Cilia saħaq li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’viżjoni għal Malta bħala ċentru finanzjarju Ewropew ta’ integrità u innovazzjoni. “Dan ifisser li l-governanza tajba, is-sorveljanza effettiva u l-ħarsien tar-reputazzjoni għandhom jiġu prijoritizzati flimkien mal-ħolqien ta’ ambjent kompetittiv u effiċjenti għall-investiment,” temm jgħid Jerome Caruana Cilia.