Lokali Qorti

Mhux ħati li kellu sigaretti bil-kutrabandu

Il-Qorti ħelset lil raġel li kien mixli li kellu sigaretti tal-kuntrabandu moħbija ħdejn xbieha tal-Madonna, fl-inħawi tal-monti tal-Furjana. Romedan Said Ali Taha, kien qed jiffaċċja akkużi li fid-29 ta’ Lulju 2018 u fit-11 ta’ April 2019 kien fil-pussess ta’ sigaretti li fuqhom ma tħallasx dazju.

Fl-ewwel każ, il-Pulizija sabu s-sigaretti waqt tfittxija fil-monti tal-Ħadd fil-Furjana. Fit-tieni każ, il-Pulizija ġew imsejħa biex jintervjenu fi ġlieda bejn mara u raġel fi Triq il-Miratur, il-Furjana. Il-mara kienet għamlet allegazzjoni li l-akkużat kellu sigaretti tal-kuntrabandu moħbija, u ħadithom fil-post fejn allegatament kienu mistkennin.

Matul il-proċess, l-akkużat xehed li l-mara kienet spiċċat tgħix miegħu wara li sabha tgħajjat fil-pjazza tal-Ħamrun u tħassaraha. Qal li suppost kellha toqgħod miegħu għal ġimgħa biss iżda baqgħet hemm u bdiet iddaħħal l-irġiel fid-dar għal skopijiet sesswali. Huwa sostna li l-allegazzjonijiet tagħha kienu motivati mill-fatt li riedha titlaq mid-dar u vvintat storja biex jispiċċa l-ħabs.

Min-naħa tagħha, il-mara rrakkuntat li l-ġlieda nibtet wara li l-akkużat insulentaha b’mod ripetut u allegatament kellu x-xewqa li jkollu x’jaqsam magħha, u beda jagħmel movimenti sesswali. Beda wkoll jgħajjarha “qaħba.”

Hija sostniet li meta rrifjutatu, heddidha u hi weġbitu billi qaltlu li kienet se tirrappurtah mal-Pulizija dwar is-sigaretti. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, qalet li x-xhieda tal-mara ma kenitx konsistenti u dehret evasiva meta mistoqsija dwar għaliex l-akkużat riedha titlaq mid-dar.

Qieset ukoll li r-raġel kellu xogħol stabbli u kondotta nadifa, u li ma tressqux biżżejjed provi li s-sigaretti kienu tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti ħelsitu mill-akkużi kollha.