Opinjoni

OPINJONI: Abbozzi ta’ liġi perikolużi

Robert Abela sfurzat jagħmel U-turn wara pressjoni qawwija mill-PN u l-għaqdiet ambjentali… il-mozzjoni tal-PN fil-Parlament titlob għal riforma ta’ kwalità bbażata fuq konsultazzjoni serja

minn Stanley Zammit
Shadow Minister
għall-Ippjanar

Minkejja tentattiv ċar tal-Gvern Laburista biex jgħaddi liġijiet kontroversjali li jkissru l-proċess tal-ippjanar b’mod sfaċċat u bla konsultazzjoni, il-Partit Nazzjonalista, flimkien mal-għaqdiet ambjentali u diversi partijiet mis-soċjetà ċivili, irnexxielu, permezz ta’ pressjoni politika b’saħħitha, jwaqqaf dan l-attakk istituzzjonali – attakk serju mill-Gvern fuq id-demokrazija, fuq l-istat tad-dritt u fuq l-ippjanar tal-iżvilupp b’abbozzi ta’ liġi perikolużi li jkissru s-sistema tal-ippjanar f’pajjiżna.
Proprju f’nofs is-sajf u fil-ġimgħa fejn il-Gvern għażel li ma jlaqqax il-Parlament għal jumejn mingħajr ebda raġuni, il-Gvern ipprova jimbotta b’għaġla liġijiet kontroversjali – waħda biex jemenda l-Liġi tal-Ippjanar u l-oħra biex jitwaqqaf it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) u tinbidel is-sistema tal-appell – għal diskussjoni taparsi lejliet li ser jagħlaq il-Parlament.
Dawn il-bidliet fundamentali fis-sistema tal-ippjanar ta’ pajjiżna, jekk jiġu approvati, jistgħu jħallu konsegwenzi traġiċi fuq l-ambjent u fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll. Mingħajr l-iċken forma ta’ konsultazzjoni l-Gvern ried jisforza telf tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin, erozzjoni ta’ salvagwardji legali, u tisħiħ eċċessiv tal-poter esekuttiv.

Pożizzjoni soda u konsistenti mill-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista ħa pożizzjoni ċara, soda u konsistenti. Permezz tal-Kap Bernard Grech, ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit u x-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg, l-Oppożizzjoni wriet l-impenn tagħha għal riforma vera u sostanzjali tal-ippjanar: waħda li tkun bażata fuq konsultazzjoni serja, trasparenza u ġustizzja għall-komunitajiet kollha.
Il-PN ilu snin jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ riforma olistika, ġusta u serja li tirrispetta lill-komunitajiet u r-realtajiet ambjentali, rurali u urbani tal-lum.
Grazzi għal din l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista llum jeżisti kunsens wiesa’ dwar il-ħtieġa ta’ din ir-riforma. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista kien ċar mill-ewwel fil-pożizzjoni tiegħu u ddikjara li qed jinsisti fuq riforma ta’ kwalità bażata fuq konsultazzjoni wiesa’.
Filwaqt li s-sistema tal-appell għandha titjieb, dan ma għandux isir billi jitnaqqsu d-drittijiet taċ-ċittadin, iżda billi jissaħħaħ il-proċess, isiru l-istudji neċessarji, u bl-involviment tan-nies permezz ta’ konsultazzjoni ta’ vera. Il-proposti tal-Gvern kienu għalkollox fid-direzzjoni opposta.

Il-Gvern imġiegħel jagħmel u-turn grazzi għall-pressjoni tal-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili
Minkejja li l-Gvern ta’ Robert Abela ilu jwiegħed din ir-riforma s-snin, kien biss ftit tal-ġranet ilu li l-Ministru responsabbli mill-Ippjanar Clint Camilleri iddikjara li l-Gvern kien fi stadju li jiffinalizza dawn l-abbozzi u li fil-jiem ta’ wara kien se jressaqhom fil-Parlament qabel ma dan jaġġorna għall-vakanzi tas-sajf.
L-insistenza b’saħħitha tal-Partit Nazzjonalista, flimkien mal-għaqdiet ambjentali u diversi atturi tas-soċjetà ċivili, inkluż anke kritika minn membri stess tal-Partit Laburista, ġiegħlet lill-Prim Ministru jagħmel u-turn u jirtira temporanjament il-pjanijiet tiegħu biex jgħaddi dawn iż-żewġ abbozzi kontroversjali b’diskussjoni finta fil-Parlament, bil-għaġla u ta’ malajr malajr qabel il-vakanzi is-sajf.

Liġijiet li jiżbilanċjaw u jżarmaw is-sistema tal-ippjanar
Dak li ppropona l-Gvern mhu xejn għajr attakk fuq id-dritt ta’ kull ċittadin għal ambjent san u għal sistema ta’ ppjanar li waqt li tħares ’il quddiem, ma tiffavorixxix il-ftit fuq ħsara tal-komunitajiet kollha.
B’dawn il-liġijiet ġodda l-Gvern se jkun qed ineħħi s-salvagwardji legali li kien għad fadal biex jiġi mħares iċ-ċittadin, u se jagħti lill-Awtorità tal-Ippjanar u lit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) saħħa assoluta.
Dak li qed jipproponi l-Gvern juri mentalità ta’ kontroll u ndħil politiku u mhux ta’ servizz lejn iċ-ċittadin. Il-Gvern irid jagħti poteri eċċessivi lill-Ministru u lill-Awtorità tal-Ippjanar, idgħajjef l-irwol tal-Qorti tal-Appell, u jsikket il-vuċi pubbliku milli jappella minn deċiżjonijiet kontroversjali. Il-Gvern Laburista huwa konsistenti fin-nuqqas ta’ trasparenza u fid-disrispett lejn il-prinċipji demokratiċi.

Mozzjoni Parlamentari biex il-proċess jerġa’ jibda b’konsultazzjoni vera
Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Membri Parlamentari Stanley Zammit u Rebekah Borg, ressqu mozzjoni fil-Parlament biex il-Gvern jirtira immedjatament dawn l-abbozzi ta’ liġi u jerġa’ jibda l-proċess b’konsultazzjoni nazzjonali wiesgħa, inklużiva u trasparenti.
Il-mozzjoni tfakkar li, minflok ma wettaq il-wegħdiet tiegħu għal riforma serja, il-Gvern pprova jdaħħal tibdiliet li jipperikolaw l-ambjent, inaqqru d-drittijiet taċ-ċittadin, jimminaw il-proċess leġittimu ta’ appell, jirriduċu l-Qorti tal-Appell f’Bord tar-Reviżjoni u jżid il-poteri u s-setgħat tal-Prim Ministru, tal-Ministru u tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Rebħa għan-nies u l-proċess demokratiku
Ir-reazzjoni negattiva għal dawn l-abbozzi, kixfet kemm dawn il-proposti tal-Gvern Laburista kienu ’l bogħod mill-ħtiġijiet tal-pajjiż u mill-bżonnijiet tan-nies.
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun vuċi għal kulħadd. Se jibqa’ joffri politika li ma tibżax tisfida s-sistema, li tħares ’il quddiem, titgħallem mill-passat u mhux tibkih u, tippjana l-ambjenti tagħna permezz ta’ żviluppi sostenibbli. Il-pajjiż jixraqlu sistema tal-ippjanar ġusta, serja u sostenibbli.
Il-Partit Nazzjonalista huwa l-uniku forza politika li kapaċi jwassal din il-bidla b’serjetà u viżjoni.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 3 ta’ Awwissu, 2025.