Lokali Opinjoni

OPINJONI: Bżonn ta’ strateġija nazzjonali fit-tul għall-akkomodazzjoni affordabbli, b’miżuri konkreti

Ninsab lest li nisma’. U, l-aktar importanti, ninsab lest li nagħmel il-bidla li pajjiżna jixraql

minn Alex Borg

Li ssir sid ta’ darek, qed issir dejjem aktar diffiċli għal ħafna, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u ħaddiema, din hija sitwazzjoni li qed tolqot lil ħafna u jeħtieġ li nibdew nindirizzawha, lil hinn mill-partiġjaniżmu bejn kulħadd.

L-istil ta’ politika li se nkun qed nimbotta jien hu, li fejn jidħol l-interess tal-persuna u dak nazzjonali, il-politika partiġjana mhux posta.

Għalhekk qed nipproponi li tibda diskussjoni dwar strateġija nazzjonali fit-tul għall-akkomodazzjoni affordabbli, ibbażata fuq tliet prinċipji fundamentali:

1. Id-Dinjità – kull persuna għandha dritt għall-akkomodazzjoni deċenti li tista’ ssejħilha dara;

2. L-Opportunità – Id-dar dejjem kienet meqjusa bħala l-ewwel investiment tal-persuna. U għalhekk li tkun sid ta’ darek m’għandhiex tkun ta’ piż u ostaklu għall-progress personali

3. Il-Ġustizzja Soċjali – li ngħinu lil dawk illi jirsistu kemm jirsistu, jaħdmu kemm jaħdmu, ma jistgħux ikollhom propjetà tagħhom mingħajr għajnuna – ma nistgħu inħallu lil ħadd jaqa’ lura.

Għandna nibdew nitkellmu fuq inizjattivi fit-tul u mhux skemi ta’ darba li jikkwalifikaw għalihom il-ftit.

Irridu nitkellmu fuq proposti bħal Rent-to-Own, li tippermetti li l-ħlas ta’ kirja ta’ propjetà jwassalek biex issir sid ta’ dik id-dar.

Nitkellmu fuq Equity Sharing Model – Il-gvern jinvesti flimkien miegħek meta tkun qed tixtri l-ewwel propjetà, bil-possibbiltà li tixtri s-sehem tal-gvern gradwalment sakemm issir sid ta’ daru.

Home Loan sussidjat – B’garanzija mill-istat, b’rati ta’ imgħax aktar baxxi u perjodi ta’ ħlas estiżi għal dawk bi dħul baxx, medju jew dawk li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli f’ħajjithom.

otjiet jew Self għad-Depożitu – Għajnuna ta’ darba jew self b’rati preferenzjali biex jgħinu lill-first time buyers, liż-żgħażagħ, ħaddiema u dawk bi dħul baxx jkopru l-ispejjeż tad-depożitu inizjali.

Inċentivi għall-proprjetajiet vojta – Tnaqqis tat-taxxa u għajnuna biex jiġu rrestawrati proprjetajiet vojta, u jerġgħu jitpoġġew fis-suq bħala djar sostenibbli li jipproteġu l-karattru tal-lokalitajiet tagħna.

Jien ninsab lest li nibda din id-diskussjoni. Ninsab lest li nisma’. U l-aktar importanti, ninsab lest li nagħmel il-bidla li pajjiżna jixraqlu.

Għax fl-aħħar mill-aħħar, irrid nassigura li jkollna soċjetà aktar ġusta, li l-progress ekonomiku ma jkunx ta’ piż fuq dawk li għadhom iridu jibdew.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 4 ta’ Awwissu, 2025.