Il-mument politiku attwali jitlob attenzjoni. Mhux biss f’dak li huwa għaddej imma iktar f’dak li qed jiżviluppa quddiemna
minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
- Nistgħu naraw dan kollu u nistgħu le, imma r-realtà hija li hemm passi politiċi li qegħdin isiru. Huwa minnu li ninsabu fil-proċess twil u komplikat biex jiġi elett Kap tal-Partit imma ħaddieħor mhuwiex b’idejh fuq żaqqu.
Qiegħed jimxi b’passi politiċi, jipprepara għall-appuntament politiku li ġej. Mhux neċessarjament li dak li qiegħed jagħmel ser ikun effettiv. Imma xorta ser jkollu effett fuq l-elettorat u xorta dan jitlob tweġiba minn min qiegħed jikkandida ruħu. Il-pożizzjoni trid tiġi ekwilibrata għal dak li sejrin lejh.
Realpolitik
- Ma aħniex f’sitwazzjoni fejn id-dinja waqfet iddur tistenniena. Wisq inqas li xejn mhuwa jiġri.
Il-ħajja tal-Gvern għadha għaddejja anki waqt li ż-żewġ kandidati qed jiltaqgħu man-nies u jwieġbu għad-domandi fl-intervisti twal li qed isirulhom.
Meta nagħżlu, finalment, min jiġi hekk maħtur jiftaħ il-bieb biex isib jistennieh Prim Ministru li anki jekk ma naqblux miegħu xorta rridu nirrikonoxxu li ġabar esperjenza politika.
Kwalità li ser tidħol fil-kalatura, irridu jew ma rridux u din trid tweġiba serja u kredibbli għaliha.
Nittama li ħadd ma jkompli b’xi mod jilludi ruħu. Il-politika hija fil-preżent, mhux fil-passat jew fil-futur.
Passi
- Dan iktar u iktar fl-għarfien li l-Gvern għandu żvantaġġi li qiegħed jipprova jikkumbatti. L-ewwel ovvjament iż-żmien li issa ilu fil-poter u dan jiekol u jnaqqas mill-ħeġġa u l-entużjażmu politiku salv dak li wieħed jibqa’ jżomm il-poter f’idejh.
It-tieni l-problemi ekonomiċi. Il-potenzjal biex wieħed iqassam naqas proprju għax d-dħul li qabel kien jiggarantixxi, dan issa spiċċa.
It-tielet hemm żieda konsiderevoli fid-defiċit li qed iġġibna iktar diffiċili biex ikollna l-istess flessibbiltà.
Ir-raba’ għax huwa ċar ħafna li l-popolarità tal-Gvern naqset sew u hemm tgergir u diskors marbut mal-arroganza ta’ min ikun fil-poter għal ċertu żmien… tliet leġiżlaturi.
Ma’ dan iktar li hemm il-fattur li min huwa fil-poter jifhem, forsi wkoll ikabbar iktar, id-difetti u l-iżvantaġġi tiegħu.
Ix-xenarju fil-bidla
- Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru ftit ilu li jekk ikun hemm bidla fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa jikkonsidra li jmur lejn elezzjoni ġenerali, ma tistax tiġi injorata.
Forsi kien jaħseb li huwa komdu qabel. Forsi wkoll, jagħraf kif qiegħed naturalment jiġri, li hemm entużjażmu ġdid fi ħdan l-Oppożizzjoni.
Forsi f’dan iktar l-għarfien li bidla hija bidla u l-poplu fil-maġġoranza tiegħu b’attenzjoni, b’kalkolu jridha. Huwa jingħad x’jingħad ta’ ġid għad-demokrazija tagħna li jkun hemm bidla politika wara tliet leġiżlaturi mmexxija mill-PL.
Iktar u iktar meta kull darba l-elezzjoni kien impustata bi propaganda effettiva, f’forma ta’ reazzjoni kontra l-Oppożizzjoni.
Nagħrfu l-pożizzjoni
- F’dan proprju aktar għandna nagħrfu s-sitwazzjoni tagħna. Iċ-ċirkostanżi huma li huma. Jista’ xi ħadd jippretendi li jkun hemm bżonn ta’ xi rinkarnazzjonijiet passati.
Jiġu lura mill-mistrieħ ta’ dejjem dawk li kellna qabel magħna li narawhom illum perfetti. Inkella li jibni lista ta’ kwalitajiet li jippretendi mill-kandidati. Jimponu inġustament fuqhom aktar milli jistgħu fil-mument juru li huma kapaċi li jwettqu.
Ma aħniex fi stat ta’ perfezzjoni imma ngħixu fost l-umani. Nifhmu aktar u jifhmu huma wkoll aktar li l-unità interna hija fil-massimu tal-konsiderazzjonijiet huma x’inhuma t-talenti tagħhom. Piż u responsabbilità xejn faċli għalihom li għaddejjin f’din il-kampanja, fis-sħana tas-sajf u fil-festi li f’kull rokna jiġu ċelebrati.
Kull persuna
- Kull persuna f’dan il-Partit huwa importanti. Ma nistgħux nippermettu mentalità ta’ parti kontra oħra. Irridu proċess lura biex il-biċċiet isibu posthom, skomdi kemm jistgħu jkunu.
Wieħed li jibni lura f’daqqa kienu x’kienu d-deċiżjonijiet żbaljati passati. Fiha ħafna xogħol u trid esperjenza biex twettaqha. Imma hija neċessarja li ssir proprju issa li l-kampanja għaddejja.
Ma nistgħux naħsbu li nistgħu niġġieldu llum biex ningħaqdu għadha. Meta d-demm joħroġ ma ġġibux lura jekk mhux wara ħafna snin.
It-tolleranza tal-kwalitajiet u tal-istorja politika tagħhom hija determinanti f’dan. Iktar u iktar waqt li għandna nagħrfu li ninsabu f’okkażjoni ġdida u f’opportunità differenti.
Take the chance - F’xi żmien ilu dawn il-kliem kienu fuq fomm ħafna. Kienu jitkantaw fit-toroq.
Ninsabu lura f’ċertu sens f’dik il-pożizzjoni. Hija waħda delikata u titlob attenzjoni. Hemm bilanċ li wieħed irid jara li jżomm fi kliemu u ħidmietu.
Iktar u iktar fl-għarfien ċar li minn issa ’l quddiem kliem mhux f’postu, deċiżjonijiet politiċi żbaljati ser ikollhom piż ikbar mis-soltu.
Aħjar wieħed ma jgħid xejn u jistenna l-mument preċiż milli jisparla. Ħadd, nittama li nifhmu, ma huwa ser ikun ġentili, jew jagħlaq għajn, jew jgħid nibda wara li jgħaddu mitt ġurnata.
Hemm elettorat li huwa xettiku u jrid ħafna attenzjoni, għalkemm mhix impossibbli, biex jiġi persważ. Jekk ma jarax bidliet veri u li jirrispettaw dan kollu issa ser jibqa’ komdu fejn huwa jistenna x’ser jiġri għal wara l-elezzjoni.
Possibbli
- Nemmen li bidla tista’ sseħħ anki jekk il-Gvern qiegħed jimla’ l-pajjiż b’kartelluni jfakkruna fuq kemm huwa stess jiddikjara li ħadem.
Nemmen li ma għandna ebda raġuni għala naqtgħu qalbna jew naħsbu li hija triq iktar iebsa milli naraw. Ejja napprezzaw li ċ-ċirkostanzi huma tali u partikolari.
Il-pajjiż qed jitlob mingħandna li nieħdu sehem f’dan il-proċess biex ikun hemm tmexxija differenti u aħjar minn din preżenti. Nistgħu aktar f’dan jekk nifhmu dak kollu li hemm fil-kalatura u r-riskji li rridu ngħaddu minnhom.
Min ser imexxi dan lill-pajjiż fil-futur ser ikollu fuqu responsabbiltà xejn faċli għax id-deċiżjonijiet huma ta’ portata. Xorta fiċ-ċirkostanzi partikolari wieħed jista’ jimxi b’kawtela u kalkolu politiku ‘l quddiem.
Fil-mument
- Il-mument mhuwiex faċli għall-Partit Nazzjonalista kif inhuwa ċar. Wieħed jista’ jargumenta inutilment li ċerti deċizjonijet messhom ittieħdu qabel.
Wieħed jista’ jiddikjara ħafna fuq dan imma l-pożizzjoni llum hija evidenti, u xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni. L-ispazju politiku ta’ manuvrar mhux dak li kellhom mexxejja oħra li telqu wara elezzjoni ġenerali.
Imma xorta dan diġà seħħ qabel u xorta bi preċiżjoni politika jista’ jsir. F’dan wieħed irid jikkonsidra li aktar mal-għażla ssir malajr, aktar aħjar. Dan għax sejrin lejn l-appuntament politiku li fuqu l-Gvern, dejjem jekk irid iżomm ferm mal-kelma tiegħu, ikun irid fuqu jibni l-kampanja tiegħu. Il-baġit li ġej ser ikun magħna ferm iktar malajr wara s-sajf.
’Il quddiem
- Il-politika hija xjenza wkoll. Titlob mingħandna għarfien tal-kurrenti u d-direzjonijiet li għaddejja. Ninsabu għalhekk f’dawn iċ-ċirkostanzi sħaħ.
Ninsabu f’dawn l-elementi kollha u ma għandniex nitilfu l-opportunità li naraw tibdil meritat għal pajjiżna. Hemm bżonn linja politika differenti li ġġib lura jaħdem dak li mhux. Dik li tgħin biex ikollna aktar ugwaljanza.
Dik li tkattar iktar ġid veru u mhux apparenti. Bini ta’ pedamenti ġodda u tisħiħ veru ta’ dak li għandna.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 3 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>