Opinjoni

OPINJONI: Iva, nistgħu nirbħu… Irridu NEMMNU mhux nittamaw

“Irridu dejjem ningħaqdu iktar biex jingħaqad ukoll il-poplu. Irridu li l-mentalità rebbieħa li qed niżirgħu fil-partit tinfirex mal-poplu kollu biex l-ebda ostaklu ma jinħass iebes iżżejjed għalina"

minn Adrian Delia

“Irridu nkomplu nferrxu l-enerġija rebbieħa fost il-partitarji. Hemm bżonn li l-partitarji jemmnu bħali li iva nistgħu nirbħu. Irridu nemmnu, mhux nittamaw. Ilna wisq nittamaw. Ir-rassenjazzjoni u l-ikkuntentar li nistgħu biss innaqqsu d-distakk iridu jisparixxu mill-ħsibijiet tan-Nazzjonalisti. Irridu nammettu li dik hija retorika li ma wasslitna mkien.
Partit kbir jeżisti biex jiggverna. Jeżisti biex jgħin lill-poplu jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu u jikseb il-kuntentizza ta’ veru u mhux dik artifiċjali. Il-Partit Nazzjonalista lest biex iservi u mhux biex jisserva. Irid jiżgura li ħadd ma jirfes fuq ħaddieħor u jitħanżer. Irridu nisimgħu lil kulħadd. Irridu noħolqu strumenti fejn anki l-iktar leħen dgħajjef u vulnerabbli jinstema’. Hemm bżonn li kulħadd jingħata leħen u ma jissikket ħadd, anki meta l-verità tiegħu tkun skomda għalina.
Dik hi l-wegħda tagħna lill-poplu. Aħna rridu l-fiduċja tiegħu biex Malta terġa’ ssir pajjiż NORMALI u n-nies tgħix kuntenta u moħħha mistrieħ. Irridu pajjiż fejn dak li stinkajna għalih ingawduh u ma jkunx dejjem f’riskju u periklu. Irridu li wliedna jgawdu dak li gawdejna aħna meta forsi iva, materjalment kellna inqas, imma bħala soċjetà kellna ħafna iktar.
Irridu pajjiż fejn il-bieżel jiġi ppremjat. Fejn min irid jaħdem isib lill-Gvern jgħinu u mhux ixekklu. Il-prodott Malti għandu jkun reklamat u jingħata promozzjoni. Għal snin kbar, l-isbaħ prodott kien il-poplu nnifsu. Ejja nerġgħu nsiru l-ġawhra li darba konna. Dan nagħmluh billi nsaħħu l-partit, nerġgħu nagħmluh kompetittiv u attraenti. Nagħmlu mezz biex KULĦADD iħossu milqugħ fil-partit tagħna. Li nsaħħu l-finanzi tal-partit huwa l-ewwel pass. Huwa pass li se jagħtina iktar għarfien ukoll dwar kif se nsaħħu l-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna. Irridu dejjem ningħaqdu iktar biex jingħaqad ukoll il-poplu. Irridu li l-mentalità rebbieħa li qed niżirgħu fil-partit tinfirex mal-poplu kollu biex l-ebda ostaklu ma jinħass iebes iżżejjed għalina. Irridu nieħdu l-għarfien tal-anzjani u nużawh biex iż-żgħażagħ tagħna jispiraw ruħhom minnu għas-suċċessi personali tagħhom.
Irridu naslu għandkom, inkunu magħkom spalla ma’ spalla, mhux bil-paroli imma bil-fatti. Flimkien, nistgħu naslu. U se NIRBĦU.”

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tnejn 4 ta’ Awwissu, 2025.