Raġel tilef ħajtu waqt li kien qed jattendi l-kunċert ta’ Oasis f’Wembley Stadium, is-Sibt li għadda.
Il-Pulizija qalu li raġel ta’ madwar 40 sena miet waqt il-kunċert wara li nstab bi ġrieħi li jaqblu ma’ waqgħa, u li sfortunatament, ġie ddikjarat mejjet fuq il-post. Il-Pulizija waslu fuq il-post fl-10:19pm waqt li Oasis kienu qed idoqqu Champagne Supernova, l-aħħar diska tagħhom għal dak il-lejl.
Skont rapporti fil-midja, ir-raġel waqa’ mill-istands ta’ fuq nett tal-istadium – li huma għoljin madwar 50 metru mill-art.
Oasis qalu li huma xxokjati u mnikktin bil-mewt traġika ta’ spettatur fil-kunċert tagħhom, f’Wembley Stadium, is-Sibt li għadda.
Flimkien mal-membri l-oħra ta’ Oasis, Liam u Noel Gallagher offrew il-kondoljanzi sinċieri tagħhom lill-familja u l-ħbieb tal-persuna involuta.
Oasis iddedikaw id-diska Live Forever lil “dawk kollha li ma jistgħux ikunu hawn illejla” waqt il-kunċert tagħhom f’Wembley Stadium, il-Ħadd, b’dedikazzjoni speċjali lir-raġel li tilef ħajtu l-jum ta’ qabel.
//= $special ?>