Lokali

Rita Pace tirbaħ L-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta “Narakom L-Infern”

Il-festival L-Għanja tal-Poplu 2025, intrebaħ minn Rita Pace bil-kanzunetta ‘Narakom L-Infern’. Diska li kitbitha hi stess bil-mużika ta’ Augusto Cardinali. Il-kanzunetta hija dwar il-kwalità ta’ ħajja li qed ngħixu u kif ġieli nħabbtu wiċċna ma’ affarijiet u nies li jaffettwaw is-saħħa mentali u l-burdata tagħna.

Il-kanzunetta ‘Moħħi Mistrieħ’ kantata minn Mark Tonna bi kliem ta’ Rita Pace u mużika ta’ Andrew Zahra kklassifikat fit-tieni post. ‘Moħħi Mistrieħ’ hija l-istorja ta’ missier ta’ tifla b’diżabbiltà mentali li qed iħossu xjaħ u konxju li għad jasal il-waqt li bintu se tispicca mingħajru u għalhekk jinkwieta dwar x’se jsir minnha.

Il-finali tad-49 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu 2025 saret is-Sibt filgħaxija fi Pjazza Teatru Rjal, fejn kienu preżentati s-16-il kanzunetta finalista akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra. B’kollox kienu sottomessi 124 kanzunetta oriġinali. Il-festival kien preżentat minn Debbie Scerri u George Cremona.