Lokali Qorti

Student Franċiż mixli bi stupru jinżamm arrestat

Ritratt mill-Arkivji

Żagħżugħ Franċiż ta’ 29 sena tressaq il-Qorti u nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi li stupra mara f’appartament tal-Airbnb f’Ħal Qormi. Tony Quinon, student minn Franza, ġie akkużat ukoll li żamm lill-vittma kontra r-rieda tagħha, wettaq atti sesswali bla kunsens, iffastidjaha u kkaġunalha biża’ li setgħet tintuża vjolenza kontriha.

Il-każ allegatament seħħ waqt li kemm l-akkużat kif ukoll il-vittma kienu qed joqogħdu fl-istess appartament. Skont l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, Quinon ikkonvinċa lil mara, li hi wkoll Franċiża, biex taċċetta li jagħmililha massaġġ f’daharha, iżda mbagħad allegatament ftit wara ġegħelha tipparteċipa f’att sesswali miegħu bil-forza.

Il-Pulizija ġiet infurmata mill-għarus tal-vittma, li jinsab barra minn Malta, li qalilhom li l-għarusa tiegħu kienet ġiet stuprata. Huma marru immedjatament fl-indirizz u sabu lill-mara fuq il-post, filwaqt li arrestaw lil Quinon. L-akkużat u l-allegata vittma kien qed joqogħdu fl-istess appartament.

Matul is-smigħ tal-każ fil-Qorti t-Tnejn filgħodu, l-akkużat ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih. Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk il-Qorti ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv filwaqt li l-investigazzjonijiet jibqgħu għaddejjin. Ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-Maġistrat Leonard Caruana sema’ l-każ. L-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Cynthia Tomasuolo u Krista Spiteri Lucas mexxew il-prosekuzzjoni, megħjuna mill-Ispetturi Marshall Mallia u John Sammut. L-Avukat George Camilleri deher għall-akkużat.