Lokali

Raġel mill-Montengro u mara mis-Serbja arrestati b’rabta ma’ allegat importazzjoni tad-droga


Raġel u mara ġew arrestati matul il-lejl wara li fil-pussess tagħhom instabu diversi sustanzi
suspettati droga, b’valur fis-suq li jlaħħaq madwar is-€650,000.

Iż-żewġ persuni, raġel mill-Montenegro ta’ 27 sena u Serbjana ta’ 27 sena , kienu f’Volkswagen misjuqa mir-raġel. Huma twaqqfu ftit wara li waslu Malta bil-katamaran minn Sqallija fuq suspett ta’ traffikar u importazzjoni tad-droga mill-Italja.

Il-karozza ttieħdet fil-garaxx tal-Pulizija u minn tfittxijiet li saru, f’kompartamenti foloz li kien hemm fil-qiegħ u fuq wara tal-vettura, instabu diversi pakketti bid-droga. B’kollox instabu madwar 15-il kilo ta’ sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis, 3 kilogrami ta’ sustanza suspettata kokaina kif ukoll mijiet ta’ pilloli roża suspettati ecstasy.

Membri mid-Dipartiment tad-Dwana assistew lill-Pulizija waqt din l-operazzjoni.

Bis-sejba kien infurmat il-Maġistrat Joe Mifsud li ħatar inkjesta, filwaqt li ż-żewġ persuni qegħdin jinżammu arrestati fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana.


L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.