Lokali Qorti

18-il xahar ħabs fuq traffikar ta’ kokaina f’Paceville

Bulgaru ta’ 57 sena ġie kkundannat 18-il xahar ħabs mill-Maġistrat Lanfranco wara li ammetta li nhar is-Sibt li għadda u fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel ittrafika d-droga kokaina fi stabbiliment popolari f’Paceville.

Krassimir Todorov Dimitrov ammetta wkoll li huwa ttrafika d-droga f’distanza ta’ 100 metru ‘l bogħod minn skola jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Il-Qorti tagħtu ċans jaħseb fuq l-ammissjoni tiegħu, li huwa kkonferma ftit wara.

Minbarra l-piena ta’ ħabs huwa ġie mmultat €700 filwaqt li ġew konfiskati €170 bħala flus li nstabu fil-pusses tal-imputat meta ġie arrestat. Il-Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza l-Qorti qalet li minkejja li l-ammont tad-droga kien wieħed minimu, xorta waħda r-reat huwa wieħed ta’ ċertu portata minħabba li seħħ fejn ikun hemm ħafna żgħażagħ.

L-Avukat Silvan Pulis deher għal Bulgaru filwaqt li l-Avukat Julian Scicluna, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxa l-prosekuzzjoni megħjun mill-Ispetturi Christian Xuereb u Nico Zarb.