Shawn Bugeja, raġel ta’ 44 sena minn Kalkara, wieġeb mhux ħati għall-akkużi li f’Ġunju li għadda ħaraq bieb ta’ razzett f’Ħaż-Żabbar, waqt li sieħbu, Joseph Bonnett, kien rieqed ġewwa. Il-Qorti semgħet kif Bonnett qal lill-pulizija li kien qam mir-raqda minħabba riħa ta’ nar, u meta ħares mit-tieqa ra lil Bugeja jaħrab minn fuq il-post. Bonnett weġġa’ ħafif waqt li pprova jitfi n-nar.
L-Ispettur Gabriel Kitcher spjega li t-tnejn huma ħbieb, iżda minkejja dan, Bugeja qed jiffaċċja akkużi gravi ta’ ħruq intenzjonat, li żamm lil Bonnett kontra l-volontà tiegħu, u li weġġgħu waqt l-inċident.
L-avukata tal-għajnuna legali Rachel Tua talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Joseph Camilleri Azarov oġġezzjona. Huwa sostna li l-proċeduri għadhom fl-istadji bikrin, l-akkużi huma serji, u l-allegat vittma għadu ma tax ix-xhieda tiegħu.
Żied ukoll li ma kienx magħruf fejn kien se jgħix l-akkużat jekk jingħata l-ħelsien. Id-difiża qalet li minn meta seħħ l-inċident kien għadda aktar minn xahar u kieku ried ibgħabas il-provi, kellu ċ-ċans jagħmlu. Madankollu, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest sakemm jixhed l-allegat vittma.
Il-Qorti wkoll irrakkomandat li l-akkużat jirċievi l-assistenza neċessarja waqt li jinsab taħt arrest proviżorju. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Joseph Camilleri Azarov, assistit mill-Ispetturi Gabriel Kitcher u Karen Cassar. L-akkużat kien assistit mill-Avukata Rachel Tua.
//= $special ?>