Lokali

Aktar tħassib serju dwar ir-riforma tal-ippjanar kif iridha Abela

Il-Kamra tal-Avukati esprimiet it-tħassib u l-inkwiet tagħha b’rabta mal-abbozzi ta’ liġi 143 u 144, ċioè ir-riforma tal-Ippjanar li Robert Abela u sħabu jridu jwettqu.

Fi stqarrija l-Kamra tal-Avukati spjegat li tali riformi se jaqilbu ta’ taħt fuq il-Leġiżlazzjoni tal-Ippjanar f’Malta u se tkun qed timpatta direttament liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Għaldaqstant appellat u insistiet li ssir minnufih konsultazzjoni pubblika wiesgħa li jinvolvi mhux biss l-istakeholders imma wkoll il-pubbliku ġenerali.

Il-Kamra tal-Avukati spjegat li tinsab inkwetata għall-fatt li kif qed tiġi proposta l-liġi, l-Awtorità tal-Ippjanar se jkollha s-setgħa li tagħmel li trid saħansitra li tiskarta l-Local Plans – bil-Kamra tinsisti li dan imur kontra l-prinċipji fundamentali tat-trasparenza.

Insistiet ukoll li qed jiġi propost li s-setgħa tal-Qorti jkunu limitati partikolarment fi stadju tal-Appell quddiem deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Kamra tal-Avukati spjegat li huwa ta’ tħassib li l-ambjent u l-estetika qed jiġu proposti li ma jkunux ikkunsidrati u kompletament injorati meta l-Awtorità tal-Ippjanar se tkun qed tevalwa applikazzjoni.

Dan filwaqt li intqal li huwa ċar kif il-leġiżlazzjoni kif proposta u ppreżentata hi magħmula biex is-sottomissjonijiet ta’ oġġezzjoni fil-konfront ta’ żvilupp ikunu limitati…fi kliem sempliċi mfasslin apposta biex jaqtgħu qalb dak li jkun.

Għaldaqstant il-Kamra tal-Avukati appellat lill-Gvern sabiex ma japprovax l-abbozzi tal-liġi qabel ma ssir konsultazzjoni matura…hekk kif dan kollu huwa ta’ tħassib u inkwiet kbir.